Tuesday, April 23, 2024

“Apparti għajnuna materjali se nwasslu tama u kuraġġ f’jum il-Milied Ortodoss”

Marc Edward Pace Portanier, Malti li qed jagħti għajnuna umanitarja fl-Ukrajna

Aqra wkoll

“Il-vjaġġ jibda hawn. Il-kelma ‘ħerqan’ mhix biżżejjed biex niddeskrivi dak li qed inħoss bħalissa. Matul iż-żjara tagħna fl-Ukrajna, apparti li se nqassmu affarijiet bżonjużi, fosthom generators, ikel u mediċini, se nwasslu l-aqwa ħaġa: Tama u kuraġġ għal jum il-Milied Ortodoss”. Ħabbar dan Marc Edward Pace Portanier, Malti ta’ 25 sena, permezz ta’ messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali fl-aħħar sigħat. Il-Milied Ortodoss fl-Ukrajna se jiġi ċċelebrat għada, is-Sibt, 7 ta’ Jannar.

Uħud mill-provvisti li se jitqassmu lill-Ukreni.

Marc huwa fotografu u vidjografu, u huwa involut f’xogħol relatat mal-midja u jaħdem ukoll fis-settur tal-igaming. F’dawn l-aħħar ħames snin qatta’ parti kbira mill-ħin jivvjaġġa f’pajjiżi differenti, bl-aktar vjaġġ għal qalbu jkun dak lejn il-Polonja.

F’wieħed mill-kummenti li Marc ta lil Talk.mt, huwa beda billi spjega illi l-involviment tiegħu fil-fruntiera tal-Ukrajna beda propju ftit jiem wara li faqqgħet il-gwerra Russo-Ukrajna: “Fl-24 jew il-25 ta’ Frar li għadda, filgħaxija, irċivejt messaġġ mingħand sieħbi Wojciech Sielicki u kien hu li ħajjarni biex immur ngħin. L-għada, sieħbi rħielha lejn l-Ukrajna u jien ingħaqadt miegħu f’din il-missjoni l-ġimgħa ta’ wara”.

Marc Edward Pace Portanier

Huwa kompla jgħid li sal-5 ta’ Marzu kienu ġa bagħtu xarabank lejn il-Lviv mimlija provvisti u għenu madwar 55 persuna — il-maġġorparti tagħhom huma nisa u tfal — biex joħorġu minn hemm: “Bdejna nqassmu l-ikel u tajna għajnuna oħra lil dawk li kienu jinsabu madwar il-fruntiera tal-Ukrajna,” sostna Marc.

“L-ewwel lejl li qattajna fil-fruntiera tal-Ukrajna ma kienx mill-ħelwin; minkejja li kien hemm eluf ta’ persuni, kien hemm silenzju perfett li jqabbdek dehxa fl-istonku,” irrakkonta Marc. Huwa spjega wkoll li dak il-lejl stess iltaqgħu ma’ erbat itfal li kienu jinsabu waħidhom. Marc, flimkien ma’ sħabu, akkumpanjaw lil dawn it-tfal li kienu mir-reġjun ta’ Donetsk. Il-ġenituri tagħhom jaħdmu fis-settur tal-qasam tas-saħħa. Hemm iltaqgħu wkoll ma’ mara minn Chernihiv — omm ta’ tifla li kienet se tieħu lil bintha lejn l-Italja. Din il-mara rrakkuntat kif żewġha, kirurgu ewlieni li jispeċjalizza fit-trawmi li jgħaddu minnhom in-nies, sejħulu biex jopera persuna ta’ 18-il sena li kienet viċin ta’ rokit li sploda f’Chernihiv.

Marc jgħid li bażikament din l-esperjenza kienet il-punt tat-tluq li eventwalment wassalhom fejn qegħdin illum il-ġurnata. “Ħdimna wkoll u ħloqna għadd ta’ proġetti li jmorru lil hin milli sempliċiment noffru l-għajnuna, inqassmu l-mediċini u l-ikel fl-iktar żoni milquta mir-Russi, bħal ngħidu aħna meta konna inkarigati mit-tqassim tal-provvisti. F’Mejju li għadda ersaqna qrib ta’ Mariupol kemm jista’ jkun; dak iż-żmien din il-belt kienet waqgħet taħt il-kontroll tar-Russi”. Marc kompla jgħid li f’Settembru, meta raw li l-Ukrajna marret fuq l-attakk, immedjatament bdew jippjanaw u jieħdu ħsieb l-ivvjaġġar lejn ir-reġjuni ta’ Kharkiv u Donetsk, fejn għamlu tliet vjaġġi kbar f’temp ta’ xahar u nofs (bejn l-aħħar ta’ Settembru u nofs Novembru), kif ukoll kellhom vjaġġi oħra fuq skala iżgħar. “Kull wieħed minn dawn il-vjaġġi l-kbar jirrikjedi spiża ta’ madwar €1,500, spiża li tkopri biss il-fuel, iż-żjut, il-manutenzjoni u xi preparamenti oħra li jsiru lill-karozzi,” saħaq Marc.

Marc flimkien ma’ wħud mill-membri tal-grupp fl-Ukrajna

Bħalissa, Marc flimkien ma’ xi ħbieb tiegħu qed jagħmlu xi xogħol ma’ NGO li għandha l-bażi tagħha fil-Polonja, bl-isem ‘Fundacja Zmieniamy Zycie’. “Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-vjaġġ se jkun li nwaqqfu ċentru f’Kharkiv, permezz ta’ voluntieri tal-lokal, sabiex inkunu nistgħu nassistu lill-Ukreni fuq bażi iktar regolari”. Il-grupp ta’ Marc matul din iż-żjara se jkun qed jipprovdi servizz ta’ telekomunizzjoni iktar flessibbli permezz tal-generators, kif ukoll servizz ta’ internet permezz tas-sistema Starlink li xtara t-tim tiegħu stess, spjega Marc. Sfortunatament, Marc ma setax jiżvela iktar dettalji dwar dan il-vjaġġ minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

F’kumment dwar is-sitwazzjoni tal-bini u t-toroq fl-Ukrajna, Marc qal li dawn jinsabu fi stat perikoluż. Però, huwa osserva li dan l-istat diżastruż imur lil hinn mill-gwerra preżenti, għaliex apparti dawk l-inħawi li sofrew il-qilla tal-attakki Russi u li konsegwentament inqerdu bosta binjiet, hemm ukoll il-fattur tat-temp.

Għal dawk li jixtiequ joffru sapport finanzjarju f’din il-kawża ġusta, jistgħu jibagħtu donazzjoni permezz tar-Revolut fuq +35699072506 jew inkella permezz ta’ din il-ħolqa https://gofund.me/a5f24873. Is-somma miġbura s’issa laħqet kważi l-€5,000.

Sport