Sunday, December 22, 2024

Film b’kast stupend ifalli fil-box office

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Il-film numru wieħed fil-box office Amerikana fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fl-Istati Uniti kien “Halloween Kills” b’dħul ta’ $50.4 mijun fl-ewwel tlitt ijiem.  Dan is-suċċess ftit li xejn mistenni minn dan is-sequel ħasad lil bosta.

L-ewwelnett, qaċċat il-film ta’ James Bond, “No Time to Die” wara ġimgħa biss fil-quċċata.  Agħar minn hekk, dan is-suċċess ġie meta l-Universal Pictures ħarġu l-film kemm fit-teatri kif ukoll fuq il-platform diġitali tagħhom, Peacock.  Sa issa, films tal-Warner Bros. bħal “Cry Macho” u “The Suicide Squad” li ħarġu kemm fit-teatri kif ukoll fuq HBO Max, il-bejgħ tal-biljetti fil-box office tat-teatri bata.  Is-suċċess ta’ “Halloween Kills” qed jibgħat sinjal differenti.

“No Time to Die” kellu dħul ta’ $24.3 miljun fit-tieni tmiem il-ġimgħa biex kien għadu ma qabeż il-$100 miljun mit-teatri Amerikani biss. 

Fit-tielet post u fir-raba’ post insibu “Venom: Let The Be Carnage” u “The Addams Family 2″.  

Film li kellu ftuħ diżappuntanti hu “The Last Duel” ta’ Ridley Scott, b’kast mill-aqwa li jinkludi lil Matt Damon, Ben Affleck, Adam Driver u Jodie Comer.  Id-dħul kien ta’ $4.8 million, li hu diżastru għall-film li sewa aktar minn $100 miljun.  

HALLOWEEN KILLS

Dan hu t-12-il film mill-franchise ta’ ‘Halloween’.  L-ewwel wieħed f’din il-franchise kien ħareġ fl-1978.

“Halloween Kills” ikompli fejn ħalla il-film “Halloween” li konna rajna fl-2018.  Dak il-film kien reboot pjuttost intelliġenti għal din is-sensiela ta’ films.  F’dan is-sequel ġdid insibu lil Laurie Strode tittieħed b’emerġenza l-isptar wara li tonsob lil Michael Myers fil-kantina biex taħarqu ħaj.  B’xi mod jinħall.  Laurie u l-qraba tagħha, flimkien mal-komunità ta’ Haddonfield iridu jerġgħu jikkonfrontawh.

B’mod ġenerali, “Halloween Kills” mhux film tal-biża’ daqs xi wħud mill-films l-oħra ta’ din il-franchise.  Aktar tista’ issejjaħlu ‘slasher movie’.  Għandu plots żejda paralleli li ma jwassluk imkien. 

Jamies Lee Curtis tirritorna fil-parti ta’ Laurie.  Fil-wieħed ta’ tlitt snin ilu, Jamie Lee Curtis tant kienet tajba.  Hawnhekk, Curtis hi moħlija.  Aktar bint Laurie, Karen (Judy Greer), u n-neputija Allyson (Andi Matichak) li għandhom partijiet interessanti.  Nick Castle jerġa jaħdem il-parti ta’ Myers.  Flimkien mad-direttur David Gordon Green beħsiebhom itemmu triloġija permezz ta’ sequel ieħor “Halloween Ends” li għandu joħroġ bħal daż-żmien sena.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 18 (adattat għall-persuni li huma minn 18-il sena ’l fuq) minħabba ix-xeni vjolenti u mdemmija li fih.

The Last Duel

Għall-festival ta’ Venezja ta’ din is-sena, wieħed mill-films li kien hemm stennija kbira għalih kien “The Last Duel” tad-direttur Ridley Scott.  L-iskript hu miktub minn Matt Damon u Ben Affleck, u din hi l-ewwel kollaborazzjoni flimkien minn meta kitbu l-iscript għal “Good Will Hunting” 24 sena ilu u rebħu Oscar bih. 

B’storja li teħodna ġo Franza lejn tmiem is-seklu 14, “The Last Duel” hu film drammatiku fejn l-elementi ta’ ambizzjoni, l-imħabba u l-ingann politiku huma dominanti f’din is-soap opera ta’ żmien il-medjevali fi żmien ir-renju ta’ Karlu VI (Alex Lawther), meqjus bħala r-Re Miġnun.

Wieħed mill-karattri ewlenin hu Jean de Carrouges (Matt Damon).  Dan hu suldat qalbieni li jemmen li twieled biex iservi lill-Franza, lir-Re u lil Alla.  

Il-ħabib tiegħu hu Jacques Le Gris (Adam Driver).  Il-kwalitajiet tiegħu mhumiex daqs ta’ Jean imma aktar kariżmatiku.  

De Carrouges isir iħobb u jiżżewweġ lil Marguerite (Jodie Comer).  Hi tkun bint in-nobbli Sir Robert (Nathaniel Parker).  Bħala parti mid-dota, De Carrouges jitlob lill-kunjatu biċċa art li kellha valur għoli.

Din l-art tkun il-kaġun tal-mibgħeda li tinbet bejn iż-żewġt iħbieb.  Il-kuġin tar-Re, il-Konti Pierre d’Alençon (Ben Affleck), iqabbad lil Le Gris sabiex jiġborlu id-djun mingħand dawk midjunin lejh.  Wieħed minn dawk midjunin mal-Konti kien Sir Robert.  Le Gris jagħmel pressjoni fuq Sir Robert sabiex jagħti lill-Konti l-art li Sir Robert kien ta b’dota lir-raġel ta’ bintu.  

Għalhekk, De Carrouges sab ruħu f’sitwazzjoni fejn l-art li suppost ħa b’dota, ittieħditlu wara pressjoni minn dak li suppost kien ħabib tiegħu. 

L-ingann ma jieqafx hemm.  Le Gris isib l-iktar mod qarrieq biex iwaqqaf lil ħabib tiegħu. Tiġi involuta Marguerite li kellha grazzja lejn Le Gris.

“The Last Duel” għandu storja żviluppata tajjeb.  Id-dwell finali, meqjus bħala l-aħħar wieħed sanzjonat ġewwa Franza hija xena maħduma b’sengħa kbira minn Ridley Scott.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 18 (adattat għall-persuni li huma minn 18-il sena ’l fuq) minħabba xeni ta’ vjolenza sesswali u xeni oħra ta’ vjolenza.

Ekonomija

Sport