Thursday, March 28, 2024

FILMAT: Il-GWU tipproponi kumpens u kundizzjonijiet għal min jaħdem mid-dar

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jgħid li huwa essenzjali li tiġi msaħħa l-leġislazzjoni li tirregola xogħol mid-dar

Minn Maria Azzopardi

YouTube video

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja jisħaq li l-leġislazzjoni li tirregola xogħol mid-dar hija waħda bażika ħafna u li għalhekk jeħtieġ li tiġi msaħħa u aġġornata biex ma jkunx hemm abbużi. Bugeja qal li bħala Union taqbel mal-flessibilità fix-xogħol, iżda għandhom jiġu żgurati d-drittijiet kollha tal-ħaddiema.

F’kummenti lil Inewsmalta, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li l-pandemija kienet katalista biex ikkonvinċit lil dawk li jħaddmu u li kienu jirreżistu l-idea ta’ teleworking, li hija neċessità li taħdem mid-dar. Dwar dan, Bugeja qal li filwaqt li l-GWU mhix kontra dawn il-forom ġodda ta’ xogħol, huwa importanti li l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-benefiċċji, progressjoni tal-karriera tagħhom u s-sigurtà m’għandhomx imorru għall-agħar għal dawk l-impjegati li jagħżlu li jaħdmu mid-dar u li din għandha tkun estensjoni tal-post tax-xogħol.

Uħud mill-proposti tal-GWU għall-baġit 2021 f’dan ir-rigward

Fuq dan ir-rigward, fost il-proposti tal-GWU għall-baġit 2021, qiegħda tipproponi li tiġi emendata l-liġi biex ħaddiema li jaħdmu mid-djar ikunu kkumpensati għal parti mill-kera tad-dar tagħhom; ħlas parzjali tal-kont tad-dawl; ħlas għall-istallazzjoni ta’ linja tat-telefon, l-internet, VPN u arja kundizzjonata; ħlas ta’ għamara għall-uffiċċju u apparat elettroniku; u jsir risk assessment tal-post fejn se ssir il-ħidma.

Bugeja tkellem ukoll dwar il-monitoraġġ fejn qal li filwaqt li min iħaddem għandu jara li x-xogħol jibqa’ jsir, il-monitoraġġ m’għandux ikun wieħed abbużiv u li għalhekk għandha tiġi meqjusa l-produttività.

Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, matul ix-xahar ta’ April, 62% tal-persuni li kellhom xogħol ħassew li l-impjieg tagħhom kien affettwat minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Minħabba s-sitwazzjoni attwali, fejn id-distanza soċjali hija meqjusa bħala prijorità, bosta persuni li jħaddmu għamlu l-arranġamenti meħtieġa biex huma u l-impjegati tagħhom jaħdmu mid-dar. Fil-fatt, din l-istatistika uriet li ġiet irreġistrata żieda qawwija fl-aħħar ġimagħtejn ta’ Marzu fejn 33% tal-persuni impjegati kienu jaħdmu mid-dar. Dan is-sehem ġie sostnut f’April. Qabel is-sitwazzjoni Covid-19, 12 % biss tal-persuni impjegati kollha kienu jaħdmu mid-dar. Minħabba l-Covid-19, 7% tal-impjegati ħadmu aktar sigħat ta’ xogħol, medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa matul ix-xahar ta’ April.

Il-GWU b’żieda ta’ ilmenti ta’ ħinijiet tax-xogħol estiżi

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU kkonferma l-istatistika maħruġa mill-EUROSTAT din il-ġimgħa fejn uriet li kważi nofs il-ħaddiema f’Malta kienu kkuntattjati wara l-ħin tax-xogħol u qal li dawn il-figuri huma reali ħafna. Tant huwa hekk, li minn żmien il-pandemija, u iktar ma jgħaddi ż-żmien, Bugeja qal li qegħdin jiżdiedu n-numru ta’ ilmenti mingħand il-ħaddiema li l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom qegħdin jiġu estiżi ‘l fuq minn 40 siegħa mingħajr ma jitħalsu tagħhom. 

L-istatistika tal-EUROSTAT analizzat b’mod speċifiku l-aħħar xahrejn tas-sena l-oħra, fejn ħareġ li 46% tal-ħaddiema f’Malta ġew ikkuntattjati wara l-ħin tax-xogħol, fejn 27% minnhom ġew kkuntattjati b’mod okkażjonali; 13% kkuntattjati diversi drabi u kien meħtieġ li tittieħed azzjoni diretta; u 6% minnhom ikkuntattjati diversi drabi iżda ma kienx hemm il-bżonn li jittieħdu azzjonijiet diretti.

Dawn iċ-ċifri huma akbar mill-medja Ewropea, ħlief għall-aħħar stastistika. Il-medja fl-UE hija li 23% ġew kkuntattjati b’mod okkażjonali, 10% ikkuntattjati diversi drabi b’azzjoni diretta meħtieġa u 7% ikkuntattjati diversi drabi mingħajr il-bżonn ta’ azzjoni diretta.

“Il-figura li ħarġet mill-Eurostat turi biċ-ċar il-ħtieġa u l-importanza ta’ dak li qed issostni l-GWU dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u li għandha tkun xi ħaġa li minnha jirbaħ kulħadd. M’għandix tiġi abbużata fejn il-ħaddiema jaħdmu sigħat twal fejn lanqas biss jiġu kkumpensati jew ikollhom il-mistrieħ meħtieġ. Irċevejna diversi ilmenti u dħalna fi kwistjonijiet ma dawk li jħaddmu għax ma ridux iħallsu ċertu benefiċċji,” qal Bugeja. 

Huwa tkellem li bħala Union temmen li huwa essenzjali li jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dan huwa ta’ benefiċċju kemm għall-produttività kif ukoll għas-saħħa mentali tal-ħaddiema. Dan il-bilanċ jista’ jintlaħaq billi jidħol ir-right to disconnect li jirreferi għad-dritt ta’ ħaddiem li jkun jista’ jieqaf mix-xogħol u joqgħod lura milli jidħol f’komunikazzjoni elettronika relatata max-xogħol, bħal emails u messaġġi oħra, matul il-ħinijiet u l-vaganzi meta dan ma jkunx xogħol. 

Dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, Bugeja qal li għalhekk hija importanti l-kampanja mal-MPE Alex Agius Saliba u d-diskussjoni dwar ir-rapport li nieda fuq ir-right to disconnect, kif ukoll id-diskussjonijiet li għaddejjin mal-MPE Josianne Cutajar dwar flessibiltà fix-xogħol iżda mhux fid-drittijiet, li huma marbuta kollha flimkien.

Ekonomija

Sport