Friday, November 29, 2024

Proposti biex jiżdiedu r-riżorsi proprji tal-UE jistgħu jagħmlu ħsara lil stati żgħar

Aqra wkoll

Alfred Sant ivvota kontra rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea għax jinkludi proposti għal taxxi ġodda fil-livell tal-UE bħat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u l-Common Consolidated Corporate Tax Base.

Ir-reviżjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE tirrappreżenta r-riforma dwar sorsi tad-dħul tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, li kiseb rilevanza dejjem tikber bit-tixrid tal-pandemija Covid-19 u l-impatt fuq l-ekonomija tal-UE.

Il-Parlament Ewropew qed jitlob li juża d-dħul kollu ġġenerat mill-implimentazzjoni futura ta’ riżorsi proprji ġodda primarjament għall-iskema ta’ ħlas lura tal-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa.

Fi spjegazzjoni tal-vot, Alfred Sant irrikonoxxa li, fis-sitwazzjoni ekonomika attwali u hekk kif tespandi l-orizzonti tal-politika tagħha, l-Unjoni Ewropea teħtieġ ħafna iktar flus x’tonfoq.  Għaldaqstant, reviżjoni tas-sistema attwali tar-riżorsi proprji tal-UE hija inevitabbli.

“Proposti li jirriflettu l-għanijiet tal-UE rikonoxxuti minn kulħadd, bħal tariffa imposta tal-plastik miftiehma fil-livell tal-Kunsill, huma tajbin ħafna. Minkejja dan, proposti oħra fir-rapport ġew avvanzati bla ma kienet meqjusa l-ħsara li ser jikkawżaw lill-ekonomija ta’ Stati Membri individwali”, iddikjara Alfred Sant.

Sport