Brian Cini reġa’ ġie nkurunat champion tas-Snooker lokali li wara li għeleb lil Aaron Busuttil li kien rebaħ iż-żewġ edizzjonijiet preċedenti kontra Cini stess. Din kienet il-ħames darba’ Brian Cini sar iċ-champion lokali tas-Snooker u kienet ukoll il-ħames finali bejn dawn it-tnejn li mingħajr l-ebda dubju huma l-aqwa żewġ plejers f’dan l-isport f’dawn l-aħħar snin.
Din il-finali mill-ewwel bdiet bi frame mill-aqwa fejn Busuttil wettaq break ta’ 55 punt iżda Cini rrisponda bi break ta’ 70 punt u kompla biex rebaħ dan il-frame u anke’ dak ta’ warajh.
Busuttil deher li ser jirkupra ż-żewġ frames żvantaġġ wara li rebaħ it-tielet frame fejn saħansitra għamel l-aqwa break tal-logħba b’107 punti. Fir-raba’ frame huwa waqaf wara break li fihom ippotja tmien ħomor u 55 punt iżda naqas li jiġi f’pożizzjoni komda b’ċans li jġib parita biex Cini reġa ġie b’żewġ frames vantaġġ.
Min hawn il-quddiem, minkejja li kważi kull frame kellu punteġġi qrib, Busuttil ma’ rkuprax u Cini rebaħ it-tliet frames segwenti biex għalaq il-konfront, 6-1 (82-55, 66-52, 26-107, 79-66, 78-33, 79-43 u 71-26)
Wara l-finali l-President tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Brincat, ippreżenta t-trofew lil Brian Cini.
Din il-finali tal-Klassi Premier għalqet il-finali tal-kampjonati kollha tal-istaġun 2024/25 li saru fl-aħħar ġranet. L-ewwel waħda minn dawn kienet dik tal-kategorija Masters fejn il-veteran Alex Borg rebaħ kontra Mark Saffrett, 5-3. John Farrugia rebaħ il-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni wara li għeleb Clinton Falzon 5-1 filwaqt li ż-żgħażugħ ta’ 16-il sena, Xavier Rizzo, rebaħ il-finali tat-tieni Divizjoni meta rebaħ, 4-1, kontra Ian Camilleri. Il-finali tat-Tielet Diviżjoni bejn Matthias Debono u Max Mangion svolġiet f’waħda kumbattuta sat-tmiem u kellu jkun il-frame deċiżiv li ddikjara lil Debono bħala r-rebbieħ b’punteġġ finali ta’ 4-3.