Sunday, May 26, 2024

FinanceMalta tagħti s-sapport tagħha lis-Soup Kitchen fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

FinanceMalta reċentement estendiet l-appoġġ tagħha lis-Soup Kitchen OFM bħala parti mill-programm tagħha ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, bil-għan li tagħti kontribut siewi u tkun ta’ eżempju li jqarreb is-suċċess korporattiv u l-kontribuzzjoni soċjali.

Ispirati mill-konvinzjoni li l-approċċ prattiku jħalli benefiċċji immedjati u tanġibbli għall-persuni fil-bżonn, u li l-involviment dirett f’attivitajiet ta’ appoġġ fil-komunità jħalli impatt pożittiv filwaqt li jagħti eżempju qawwi fl-industrija tas-servizzi finanzjarji u lil hinn minnha, FinanceMalta għażlet li tikkontribwixxi permezz ta’ donazzjonijiet ta’ oġġetti utli u ta’ ħin ta’ volontarjat fis-Soup Kitchen li hija mmexxija mill-Patrijiet Franġiskani fil-Belt Valletta.

Bħala parti minn din l-inizjattiva, tim minn FinanceMalta ta daqqa t’id lill-voluntiera fis-Soup Kitchen OFM biex iqassmu ikliet nutrittivi lil dawk li jattendu. Barra minn hekk, FinanceMalta tat donazzjoni ta’ affarijiet essenzjali bħall-oġġetti tal-ikel, prodotti tal-iġjene personali, basktijiet u kartolerija li jagħmlu differenza sinifikanti fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawk li jirċievu l-assistenza mis-Soup Kitchen.

Iċ-Chairman ta’ FinanceMalta George Vella ikkummenta: “Nemmnu bis-sħiħ fl-importanza li nagħtu lura lill-komunità u nħossuna privileġġjati li, bħala organizzazzjoni ta’ profil għoli fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, kellna l-opportunità li ninvolvu ruħna direttament u nappoġġjaw inizjattiva hekk nobbli u ta’ impatt. Il-missjoni tas-Soup Kitchen OFM hija kompatibbli ferm mal-valuri ewlenin ta’ FinanceMalta – responsabbiltà soċjali u l-għoti tas-setgħat meħtieġa lill-komunita’ biex tavvanza l-quddiem – li aħna nistinkaw biex insostnu fl-isforzi kollha tagħna.”

FinanceMalta tirringrazzja mill-qalb lil Patri Marcellino Micallef u lit-tim tas-Soup Kitchen OFM għad-dedikazzjoni u x-xogħol tagħhom għal ġid tal-komunità.

Sport