Monday, April 29, 2024

L-importanza tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol

Aqra wkoll

F’rapport ippubblikat mill-International Labour Organisation (ILO) f’Novembru tal-2023 jingħad li kull sena, madwar id-dinja kollha jitilfu ħajjithom tliet miljun ħaddiem. 2.6 miljun minn dawn l-imwiet huma attribwiti għal mard relatat max-xogħol, waqt li 330,000 huma attribwiti għal inċidenti fatali. Qal dan il-Kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jesmond Marshall fi stqarrija li ħareġ. 

Marshall spjega li kull ħaddiem għandu d-dritt li jaħdem f’ambjent fejn is-saħħa fiżika u mentali tiegħu ma jkunux fil-periklu. Qal li huwa fl-interess ta’ min iħaddem li joffri ambjent kemm jista’ jkun bla periklu, għaliex meta l-impjegati jħossuhom sikuri fil-post tax-xoghol tagħhom, jistgħu jiffokaw aktar fuq dak li qegħdin jagħmlu mingħajr ma jinkwetaw dwar perikli jew riskji li jeżistu madwarhom. 

Marshall qal ukoll li kull min iħaddem irid ukoll iżomm quddiem għajnejh li kull inċident iwassal għal telf ta’ produttività li jħalli impatt fuq il-qligħ tal-kumpanija. “Kull employer għandu jiżgura li jkun hemm risk assessments u spezzjonijiet regolari biex jiġu identifikati perikli. Għandu jiġi żgurat li kull t-tagħmir jinżamm sew, isir taħriġ adegwat u regolari lill-impjegati dwar prattiċi ta’ xogħol bla periklu, kif ukoll implimentazzjoni ta’ proċeduri t’emerġenza f’każ t’aċċidenti jew inċidenti.”

“L-impjegati iridu wkoll jagħmlu l-parti tagħhom: dan jagħmluh billi ma jeħdux riskji żejda, jirrappurtaw mill-ewwel kwalunkwe tħassib jew periklu li jiltaqgħu miegħu, kif ukoll jipprovdu suġġerimenti għal titjib. Huwa importanti li kull ħaddiem jifhem li l-uzu tal-ilbies protettiv skomdu kemm ikun skomdu qiegħed hemm biex jissalvagwardja lill-istess ħaddiem.”

Marshall kompla jgħid li trid ukoll tinħoloq aktar kuxjenza dwar mard relatat max-xogħol, pereżempju fejn ikun hemm espożizzjoni għal kimiċi jew xogħol ripetittiv li jista’ jkollu konsegwenzi severi fuq is-saħħa tal-impjegati. 

“Nemmen li b’iktar attenzjoni u għarfien dwar ħarsien tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà f’postijiet tax-xogħol ħafna minn dawn l-incidenti jistgħu jkunu evitati,” huwa temm jgħid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport