Tuesday, June 2, 2026

FinanceMalta tippubblika r-rapport għall-2025

Aqra wkoll

Skont ir-Rapport Annwali 2025 ta’ FinanceMalta li għadu kif ġie ppubblikat, fl-2025 is-settur kien jammonta għal 7.2% tal-valur miżjud gross (GVA) ta’ Malta, u b’hekk ikkonferma r-rwol ewlieni tiegħu bħala pilastru importanti tal-ekonomija.

Bejn l-2020 u l-2025, is-settur irreġistra wkoll rata medja annwali ta’ tkabbir fil-valur miżjud gross ta’ 5.84%, minkejja l-kumplessità regolatorja internazzjonali dejjem tikber.

Ir-rapport jenfasizza kif, permezz tal-isforzi promozzjonali ta’ FinanceMalta u l-impenn ta’ dawk kollha li qed jikkollaboraw magħha, is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta qed jidħol f’fażi ġdida ta’ żvilupp, fejn is-settur qed jimmira għal tkabbir mhux abbażi ta’ volum iżda f’termini ta’ valur ogħla.

“Is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta ma jistax jibqa’ jfittex biss it-tkabbir fin-numri. Il-prijorità issa qed tkun dejjem aktar fuq ċarezza strateġika sabiex is-settur isir iżjed essenzjali, ta’ kwalità ogħla u ijed reżiljenti,” qalet Dr Bernice Buttigieg, Chief Strategy Officer ta’ FinanceMalta.

Sal-aħħar tal-2025, f’Malta kien hawn aktar minn 2,400 entità awtorizzata tas-servizzi finanzjarji, filwaqt li l-investiment dirett barrani, sa Ġunju 2025, kien laħaq l-€485.1 biljun bis-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni jibqgħu fost il-muturi ewlenin ta’ dan it-tkabbir. 

Matul l-istess sena, Malta kklassifikat fit-22 post globalment għall-kompetittività tat-talent, indikatur li r-rapport jorbot direttament mad-domanda dejjem tikber għal kompetenzi fil-fintech, regtech, konformità mmexxija mill-intelliġenza artifiċjali (AI) u finanzi sostenibbli.

FinanceMalta nnifisha qed terġa’ tinterpreta r-rwol tagħha, fejn se tkun qed timxi minn promozzjoni internazzjonali ġenerali għal impenn aktar immirat u koordinazzjoni tal-ekosistema. Din il-pożizzjoni qed tkun appoġġjata mill-membri stess li matul l-2025 kienu jgħoddu b’il fuq minn 330 mis-setturi bankarji, fintech, assigurazzjoni, servizzi ta’ investiment u servizzi ta’ konsulenza, fost oħrajn.

Matul is-sena, FinanceMalta ħadet sehem f’aktar minn 60 inizjattiva kemm f’Malta kif ukoll barra, inkluż meta ffirmat memorandum of understanding mal-Fintech Association tal-Ġappun bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali u jiġu appoġġjati diskussjonijiet li ilhom għaddejjin dwar ftehim ta’ tassazzjoni doppja. 

Ir-rapport jikkonkludi li l-kompetittività ta’ Malta se tiddependi dejjem aktar fuq il-kapaċità tagħha li tattira investimenti ta’ kwalità ogħla, b’allinjament aktar mill-qrib bejn l-industrija u dawk li jfasslu l-politika.

“L-2025 kienet sena eċċezzjonali għas-settur b’kisbiet importanti, livelli ogħla ta’ impenn u riżultati b’saħħithom ħafna li jikkonfermaw l-importanza ekonomika tas-settur. Madankollu, il-kompetittività futura se tiddependi inqas fuq it-tkabbir u aktar fuq l-ispeċjalizzazzjoni, l-aċċess għat-talent u l-allinjament regolatorju,” żiedet Dr Buttigieg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport