Tuesday, May 14, 2024

Finlandiż fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar f’Birkirkara… is-sewwieq li tajru telaq minn fuq il-post

Aqra wkoll

Finlandiż ta’ 42 sena li kien qed isuq e-kick scooter jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn vettura f’Birkirkara.

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li l-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 11.45, meta l-pulizija infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Birkirkara.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien seħħ inċident bejn e-kick scooter, li fuqha kien hemm il-Finlandiż u vettura, li allegatament telqet minn fuq il-post.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard, ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja, waqt li għaddejja tfittxija għall-vettura involuta.

Aktar kmieni: Persuna l-Isptar wara li ttajret waqt li kienet qed issuq e-scooter

Kien għall-ħabta tal-11.45 meta persuna li kienet qed issuq e-scooter ittajret fi Triq l-Imdina Birkirkara.

Fuq il-post marru tim mediku mill-Isptar Mater Dei fejn wara li l-persuna ngħatat l-għajnuna fuq il-post ittieħded lejn l-isptar.

Il-kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani qal lil talk.mt li s’issa mhux magħruf jekk is-sewwieq li tajjar lil persuna li kienet qed issuq e-scooter baqax sejjer jew le.

Bħalissa fuq il-post hemm il-pulizija li għadhom qegħdin jinvestigaw il-każ.

Il-kundizzjoni tal-persuna li ttajret għadha mhix magħrufa.

Sport