Madwar 100,000 infermier/a kienu jinsabu lesti sabiex mat-8:00 a.m. jibdew l-istrajk tal-lum — it-tieni strajk f’temp ta’ ġimgħa. Dan filwaqt li l-ħaddiema inkarigati mill-ambulanzi se jistrajkjaw għada, l-Erbgħa, fl-Ingilterra u f’Wales. Kawża ta’ dan għadd ta’ appuntamenti u operazzjonijiet kellhom jiġu kkanċellati.
Skont mhu jiġi rrappurtat mill-midja Ingliża, il-Prim Ministru Ingliż, Rishi Sunak, insista li l-Gvern “lest li jitkellem mal-Unjin tal-infermiera sabiex jiddiskutu t-talbiet tagħhom”. Però, il-midja Ingliża tkompli tgħid illi minkejja dan, il-ministri s’issa baqgħu jirrifjutaw milli jiddiskutu l-pagi tal-infermiera u li meta l-Unjin talbet lill-Prim Ministru biex jintervjeni, hu baqa’ jinsisti li l-fokus tiegħu bħalissa huwa li jindirizza l-problema tal-inflazzjoni.
Minn statistika riċenti maħruġa mill-NHS jirriżulta li f’Settembru kien hemm nuqqas ta’ iktar minn 300,000 ħaddiem/a fl-isptarijiet tant li bħalissa hemm record ta’ pazjenti fuq il-waiting list.
Ilberaħ l-infermiera qalu li jekk il-ministri se jibqgħu ma jagħtux widen rigward it-talbiet tagħhom – titjib fil-pagi (b’żieda ta’ 19%) u titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, ix-xahar id-dieħel se jerġgħu jibdew bl-istrajks, din id-darba fuq skala ikbar u l-infermiera mistennija jkunu “inqas ġenerużi”.