Kelb irnexxielu jsalva anzjan li kien maqbud fil-karozza tiegħu għal 24 siegħa sħaħ f’temperaturi taħt iż-żero.
Morris Cohen (94 sena), Ingliż residenti Ringwood, kien ħiereġ mill-karozza li kienet tinsab fil-garaxx tad-dar tiegħu. F’mument minnhom inqasamlu l-bastun, waqa’ għal daru ġol-karozza u spiċċa fuq in-naħa tal-passiġġier ta’ quddiem. Id minnhom spiċċat taħt il-pedali u ma setax joħroġ mill-karozza.
Minkejja li prova jgħajjat għall-għajnuna huwa spiċċa maqbud fil-garaxx tiegħu f’Hampshire għall-kumplament tal-ġurnata kollha u kien fix-xifer li jitlef ħajtu.
Fortunatament, il-kelb tal-ġara tiegħu daħallu fil-garaxx l-għada filgħodu. Il-kelb qabad jinbaħ u ġibed l-attenzjoni ta’ sidu, Frances Wall. Wall marret tiċċekkja x’ġara u malli rat lil Cohen f’dik is-sura ċemplet għall-għajnuna.
Cohen ittieħed l-isptar fejn qatta’ għaxart ijiem sħaħ biex jirkupra.