Thursday, April 18, 2024

Tinfetaħ sejħa pubblika għal erba’ maġistrati 

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħareġ sejħa pubblika għal erba’ maġistrati. Din is-sejħa qed issir wara li fl-aħħar jiem intgħażlu żewġ imħallfin ġodda, li t-tnejn li huma kienu jservu ta’ maġistrati. 

Fi tmiem dan il-proċess il-membri tal-ġudikatura se jkunu qed jiżdiedu b’żewġ imħallfin u żewg maġistrati addizzjonali. Din iż-żieda fil-ġudikatura ġiet imħabbra fil-ftuħ tas-sena forensi, u se tfisser li pajjiżna se jkollu l-akbar ammont ta’ imħallfin u maġistrati fl-istorja. 

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq li din iż-żieda fil-ġudikatura hija prova ċara ta’ kemm il-gvern huwa kommess li jinvesti fil-qasam tal-ġustizzja. 

“Permezz ta’ din iż-żieda fil-membri tal-ġudikatura se nkomplu naħdmu biex naraw li l-ġustizzja sseħħ fi żmien raġonevoli. Din iż-żieda se tkun qed tikkumplimenta l-ħidma li qed issir biex nimmodernizzaw il-liġijiet ta’ pajjiżna, insaħħu l-infrastruttura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol,” saħaq Dr Attard. 

Dawk interessati għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom bid-dokumenti kollha sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta 10 ta’ Jannar, 2023, sas-1:00pm lis-Segretarju tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura. 

Ekonomija

Sport