Sunday, November 24, 2024

Fir-Renju Unit: Student jinżamm f’kamra “qisha ħabs” wara li mar l-iskola liebes shorts

Aqra wkoll

Harrison Utting, student li għandu 13-il sena, inżamm iżolat f’kamra “qisha ħabs” wara li t-Tnejn li għadda — f’jum b’temperatura sħuna iktar min-normal — mar l-iskola liebes shorts. Il-każ seħħ f’Westlands School, f’Sittingbourne, Kent. 

Missier l-istudent, Terry Utting, ikkritika lill-amministrazzjoni ta’ din l-iskola tal-passi li ħadet fil-konfront ta’ ibnu u talli pprojbixxiet lill-istudenti milli jidħlu fil-klassi lebsin shorts fi żmien fejn il-pajjiż jinsab maħkum minn temperaturi għoljin: “L-iskola qed tipprojbixxi lill-istudenti milli jilbsu x-shorts, però mbagħad il-klassijiet mhumiex mgħammra b’air condition b’konsegwenza li l-istudenti qed jinxtwew bis-sħana li qed tagħmel, b’temperatura ta’ 30°C”.

Is-Sur Utting kompla jgħid li l-bniet almenu jitħallew jilbsu d-dbielet. B’rabta ma’ dan huwa rrefera għal artiklu li deher fuq il-midja soċjali fil-jiem li għaddew, fejn fi skola partikolari s-subien spiċċaw jilbsu d-dbielet għaliex dik kienet l-unika mod kif setgħu jtaffu mis-sħana filwaqt li jimxu mar-regoli tal-uniformi imposti mill-amministrazzjoni tal-iskola.

Din il-ġimgħa, xi żoni f’Kent intlaqtu minn temperaturi għoljin iktar min-normal — 26°C, filwaqt li f’postijiet oħra fir-Renju Unit fosthom f’Londra t-temperaturi telgħu 32°C. Nhar it-Tlieta li għaddiet, l-uffiċċju meterjoloġiku kompla jwissi rigward iż-żieda fis-sħana li probabbilment se tibqa’ hekk sat-Tlieta li ġej, hekk kif it-temperaturi mistennija jogħlew matul il-weekend li ġej — probabbilment se joqorbu t-30°C u jistgħu jitilgħu anki sa 35°C. 

L-iskola tat ħjiel li jekk din il-mewġa ta’ sħana kif inhi mbassra mill-uffiċċju meterjoloġiku tkompli taħkem lill-pajjiż, jaf ikun hemm emendi fir-regoli tal-ilbies.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Unjin tal-Għalliema rrakkomandat sabiex f’każ li t-temperaturi jkunu sħan wisq tant li tkun estremament diffiċli sabiex l-istudenti jibqgħu fil-klassi, il-lezzjonijiet jistgħu jsiru f’postijiet oħra fejn ikun hemm inqas sħana jew saħansitra li l-istudenti jintbagħtu d-dar. 

Sport