Saturday, November 23, 2024

Fis-sajf li ġej l-ajruport se joffri titjiriet diretti lejn disa’ pajjiżi… minn Lulju se joperaw minn Malta sitt linji tal-ajru

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Mejju kien wieħed kwiet għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġjar bl-ajru li ġew introdotti f’Marzu minħabba l-Covid-19 baqgħu fis-seħħ. 

B’kollox għaddew mill-ajruport 3,081 passiġġier biss, jiġifieri tnaqqis ta’ aktar minn 670,000 passiġġier meta mqabbel ma’ Mejju tal-2019. 

Hekk kif it-traffiku bl-ajru baqa’ kważi kompletament wieqaf għat-tieni xahar konsekuttiv, il-movimenti tal-ajruplani matul ix-xahar ta’ Mejju ammontaw biss għal 283 tlugħ u nżul. 

43% tat-titjiriet għax-xahar ta’ Mejju kienu titjiriet umanitarji u ta’ ripatriJazzjoni, li wasslu passiġġieri lejn u minn aktar minn għaxar pajjiżi. Il-bqija tat-titjiriet kienu ta’ ġarr tal-merkanzija, li rreġistraw żieda ta’ 11% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet. 

Intant, issa li baqa’ inqas minn xahar biex l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jerġa’ jibda jilqa’ titjiriet kummerċjali fl-1 ta’ Lulju 2020, it-tħejjijiet għall-ftuħ mill-ġdid għaddejjin b’ritmu tajjeb. It-tim tal-Iżvilupp tat-Traffiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta flimkien mal-awtorità lokali għat-turiżmu qegħdin jaħdmu mill-qrib mal-linji tal-ajru sħab tal-ajruport biex jerġgħu jibdew jibnu l-konnettività ta’ Malta, hekk kif ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġjar qed jiġu llaxkati. Sitt linji tal-ajru se jkunu qed joffru titjiriet diretti lejn 17-il ajruport f’disa’ pajjiżi u reġjuni, inklużi Sqallija, il-Ġermanja, l-Iżvizzera u l-Lussemburgu, għall-perjodu bejn Lulju u Ottubru. 

L-iskeda tas-sajf tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed tiġi aġġornata regolarment biex tirrifletti l-aktar żviluppi reċenti. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirrakkomanda li persuni li biħsiebhom isiefru, jivverifikaw xi protokolli tas-saħħa u s-sigurtà qed jiġu implimentati fid-destinazzjoni preferuta tagħhom qabel ma jibbukkjaw titjira.

Sport