Koppja mir-residenza ta’ Villa Messina jappellaw għall-imħabba li tmur oltre mill-jum tal-maħbubin
Illum qegħdin niċċelebraw jum il-maħbubin u fit-toroq se nkunu qegħdin naraw ħafna persuni jieqfu biex jixtru fjura lill-maħbubin tagħhom. Minkejja dan, bosta oħrajn ma jemmnux f’dan il-jum u jsostnu li għalihom dan huwa jum bħall-oħrajn għax l-imħabba u r-rispett lejn xulxin f’relazzjoni jeħtieġ li nesprimuha kuljum. F’din l-okkażjoni Talk.mt żaret koppja anzjana li qegħdin igawdu lil xulxin f’kamra li jaqsmu fir-residenza ta’ Villa Messina fir-Rabat.
“Deħlin għall-54 sena żwieġ u jiena dejjem żammet f’moħħi dakinhar li tajna l-kelma fuq l-artal. Dakinhar tajna l-kelma lil xulxin li ninħabbu fit-tajjeb u fil-ħażin, fil-mard u fis-saħħa”. Hekk bdiet biex tgħid magħna Polly Ciangura.
Polly irrakontatilna li kellha 22 sena meta bdiet tinġibed lejn żewġha Charlie li dak iż-żmien kellu 24 sena. Spjegatilna li tiftakar daqslikieku lbieraħ meta f’ġurnata li fiha l-klassi tagħha kellha tieħu sehem f’jum ta’ attivitajiet sportivi, ħalliet lil tal-klassi u marret biex tfittex lil Charlie.
Charlie min-naħa tiegħu wkoll kien tefa’ ħarstu fuqha u sa ftit qabel kienet għaddiet oħt Polly u staqsieha fejn kienet Carmen u dik dlonk weġbitu li hi Polly kien jisimha u mhux Carmen. Polly kienet tattendi fi skola fl-Imdina u ta’ tfajla li kienet xejn ma ħasbitha darbtejn biex tħalli lil sħabha u tmur tfittex lil dak li llum huwa żewġha. Minn hemm, Polly u Charlie ma ħarsux lura u l-imħabba kompliet titkattar biex illum qabżu l-50 sena fis-sagrament li taż-żwieġ li tant hu importanti għalihom bħala Kattoliċi.
Staqsejnihom dwar liema kienet l-aktar ġurnata li se jibqgħu jiftakru fiż-żwieġ tagħhom. Hawnhekk huma kienu pronti biex jgħidulna dwar it-twelid taż-żewġt ulied tagħhom. “Mhux għax ma jkunx hemm ħafna ġranet ta’ li fihom konna ferħanin, iżda meta titwelidlek tarbija, dakinhar it-tnejn li aħna konna tlajna s-sema bil-ferħ. It-tfal huma frott tal-imħabba li saħħaħna dakinhar li tajna l-kelma lil xulxin fuq l-artal”, komplew l-anzjani.
Minkejja l-età avvanzata tagħha Polly spjegatilna li hi midħla sew tat-teknoloġija. Kompliet biex tgħidilna li ċertu mezzi ta’ telekomunikazzjoni huma ta’ benefiċċju kbir speċjalment f’ċertu sitwazzjonijiet bħalma kienet l-aktar riċenti minħabba l-pandemija. Hi u żewġha setgħu faċilment jikkomunikaw b’mod virtwali mal-għeżież tagħhom online. Iżda meta kienet qiegħda titkellem dwar dan u komplejna nitkellmu dwar l-imħabba, Polly waqfet għal ftit sekondi u esprimiet id-diżappunt tagħha għall-fatt li sfortunatament illum naqset il-paċenzja u dak li huwa ta’ progress, jista’ f’mumenti bħal dawn iservi ta’ rigress għar-relazzjonijiet.
“Il-bniedem debboli u sfortunatament faċli jiżbalja f’dawn il-mumenti ta’ inċertezza. Il-kikkra darba tixxellef u ladarba titlef il-fiduċja, iebsa ħafna biex tiksibha kompletament. M’iniex ngħid li ma għandniex nippruvaw nagħtu ċans lil dak li jkun, iżda huwa fatt li l-ferita qatt ma tagħlaq kompletament”, qalitilna l-anzjana filwaqt li kompliet biex telabora dwar il-maħfra.
Saħqet dwar il-problema li llum qegħdin ngħixu ħajja pjuttost mgħaġġla u li fiha faċilment dak li jkun jitlef il-paċenzja u jispiċċa jargumenta. Charlie min-naħa tiegħu qal li fiż-żwieġ importanti li jkollok valuri sodi. L-anzjan żied jgħid li mingħajr il-maħfra kieku tispiċċa mqabbad f’xulxin kuljum u bħal f’kollox hemm limitu ta’ fejn tista’ tasal.
“Żmien iebes? U mela ma jkollokx! Imnalla kien hu jien għalija u fil-mument tal-prova, żamm il-wegħda għax spiċċajna niġru fl-Ingilterra minħabba l-kimoterapija u saħansitra kien hemm mumenti fejn qalbi waqfet tħabbat, qomt bil-qassis maġenbi u l-professur f’ċapċipa qawwija qalli li jien kont twelidt mill-ġdid”. Qalitilna dan l-anzjana hi u tirrakkontalna dwar s-sentejn martirju li fih kienu qegħdin jiġġieldu kontra l-marda qerrieda tal-kanċer. L-anzjana qalitilna li l-ewwel kanċer kienet ngħatat il-kura għalih Malta, iżda wara ftit żmien kellha l-aħbar li l-kanċer reġa’ ħarġilha. Minħabba li kien aggressiv ittieħdet d-deċiżjoni li jmorru l-Ingilterra u t-tfal ma setgħux imorru magħhom. Dak iż-żmien kienet tieħu ħsieb il-mara anke fejn jidħol trasport u waqt li kienet qiegħda għal din il-kura, Charlie kien hemm darba partikolari saħansitra tfixkel qabad karozza b’oħra u dam mitluf lejl sħiħ. Illum il-ġurnata Polly se tagħlaq sitt snin ħielsa mill-kanċer, iżda filwaqt li spjegatilna li saħħitha qatt ma reġgħet għal li kienet, esprimiet il-kuntentizza tagħha li tinsab miġbura flimkien ma’ żewġha f’Villa Messina.
“Għandek oħra, l-għira qatt m’għamlet nies u llum sfortunatament dik hija waħda mill-problemi. Iż-żwieġ jinvolvi sagrifiċċji kbar. Inutli jkollok dar kbira, lussuża, bl-aqwa affarijiet jekk ma jkunx hemm l-imħabbba”, komplew l-anzjani f’vuċi waħda. Polly ftakret dwar l-ewwel post li marru joqogħdu fih u li għaliha dak iż-żmien kienet kuntenta li jkollha l-aktar affarijiet bażiċi. Saħqet tgħid li lil hinn mill-għamara, jkunu l-ulied, ir-rispett u l-imħabba f’unjoni waħda li tifforma l-istruttura ta’ ħajja mimlija kuntentizza u paċi.
Filwaqt li daret biex tagħti bewsa lil żewġha, Polly awgurat li aktar persuni jkomplu jsibu l-kuntentizza fir-relazzjonijiet tagħhom. “Il-messaġġ tagħna huwa li għalkemm il-ġurnata ta’ għada sabiħ li niċċelebrawha, l-imħabba mhijiex tal-ġurnata, iżda dejjiema u jeħtieġ li aktar koppji jagħrfu jħaddnu valuri sodi fejn jidħlu s-saggrifiċċju u r-rispett lejn xulxin”, temmew jgħidulna Charlie u Polly.