Fit-tieni kwart tal-2026, l-għadd sħiħ taʼ passiġġieri tal-cruise liners laħaq il-256,369, daqs kemm kien hemm fl-istess perjodu tas-sena taʼ qabel.
Dan tħabbar fi stqarrija li ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-wasliet ta’ turisti permezz ta’ cruise liners f’pajjiżna.
Fit-tieni kwart tal-2026, żaru Malta 126 cruise liner, żieda ta’ tlieta meta mqabblin mal-istess perjodu taʼ sena qabel.
Il-passiġġieri li għaddew minn Malta sabiex komplew il-vjaġġ tagħhom lejn xi mkien ieħor kienu jagħmlu l-maġġoranza assoluta tat-traffiku kollu, u laħqu l-208,068 – 81.2 fil-mija. Bħala medja, kull bastiment li kien irmiġġat f’Malta ġarr 2,035 passiġġier, 49 inqas mis-sena ta’ qabel.
L-NSO tgħid li “il-passiġġieri mill-Istati Membri tal-UE kienu jgħoddu 43.5 fil-mija tat-traffiku kollu. Is-swieq ewlenin kienu dak Taljan li laħaq 11.0 fil-mija tal-passiġġieri kollha, segwit minn dak Ġermaniż bʼ7.7 fil-mija tal-passiġġieri. L-għadd sħiħ ta’ passiġġieri minn pajjiżi mhux tal-UE laħaq il-144,795. Mill-passiġġieri kollha, is-suq tar-Renju Unit laħaq 24.8 fil-mija, filwaqt li 15.0 fil-mija kienu ġejjin mill-Istati Uniti.”
Il-passiġġieri nisa laħqu 55.1 fil-mija tat-total. L-akbar ammont taʼ passiġġieri kienu fl-età taʼ bejn is-60 u d-79 sena – 43.3 fil-mija. Warajhom, kien hemm dawk li kienu fl-età taʼ bejn l-40 u d-59 sena – 27.1 fil-mija.
Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena
Fl-istess rapport li ġie ppubbikat mill-NSO jgħid li fl-ewwel nofs tas-sena 2026, l-għadd sħiħ taʼ passiġġieri laħaq it-321,616, li 44.1 fil-mija minnhom kienu ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-biċċa l-kbira tal-passiġġieri kienu nisa u ammontaw għal 175,798, jew 54.7 fil-mija tat-total. Fost il-gruppi tal-età, l-akbar grupp taʼ passiġġieri kellhom bejn is-60 u d-79 sena, u laħqu l-134,098 – 41.7 fil-mija. Warajhom, kien hemm il-passiġġieri li kellhom bejn l-40 u d-59 sena, li laħqu 87,152 – 27.1 fil-mija.
“Kien hemm 159 żjara taʼ cruise liner fl-ewwel żewġ kwarti tas-sena 2026, bʼmedja taʼ 2,023 passiġġier fʼkull waħda, apparagun tal-154 żjara u medja taʼ 2,214-il passiġġier fʼkull waħda fis-sena 2025,” itemm jgħid l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika.
