Fit-tieni kwart tal-2026, l-għadd taʼ postijiet tax-xogħol vakanti kien taʼ 9,619

… żieda taʼ 0.1 fil-mija fuq l-istess perjodu tal-2025

Aqra wkoll

Fit-tieni kwart tal-2026, kien hemm b’kollox 9,619-il post vakant fʼintrapriżi li jħaddmu impjegat wieħed jew aktar. Dan l-ammont fisser żieda ta’ 0.1 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena taʼ qabel. 

Dan ħareġ minn statistika ppublikata mil-NSO, l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika. Ħareġ li l-oqsma tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, tat-trasport u l-ħażna, tal-attivitajiet taʼ servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, tal-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, u tal-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ servizz ta’ appoġġ ħalqu aktar minn nofs il-postijiet vakanti kollha fit-tieni kwart tal-2026 mill-intrapriżi fil-mira. 

Min-naħa l-oħra, il-qasam tal-attivitajiet tal-proprjetà immobbli rreġistra l-inqas għadd ta’ postijiet tax-xogħol vakanti, li kien fil-livell ta’ 2.2 fil-mija tal-għadd kollu tas-sejħiet għall-applikazzjoni fl-istess żmien.

Meta mqabbel mal-istess żmien fl-2025, l-akbar żieda fl-għadd ta’ postijiet vakanti kienet irreġistrata fl-oqsma tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, tat-trasport u l-ħażna, u tal-akkomodazzjoni u l-attivitajiet tas-servizz tal-ikel. Fʼdawn l-oqsma, il-postijiet tax-xogħol vakanti telgħu bʼ571, biex laħqu bʼkollox 3,236 vakanza. 

Wara dawn, kien hemm is-settur tal-kostruzzjoni, li rreġistra żieda taʼ 342 post vakant. Bil-maqlub taʼ dawn, l-oqsma tal-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, u tal-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ servizz ta’ appoġġ ġarrbu l-akbar tnaqqis meta mqabblin mal-istess żmien tal-2025, bi tnaqqis taʼ 541 vakanza.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport