Wednesday, April 24, 2024

Fitch Ratings terġa’ tagħti rating ‘A+’ lil pajjiżna

Aqra wkoll

L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala ‘A+’ bi prospetti stabbli. Dan minkejja l-impatt tal-pandemija, liema impatt qed iwassal biex din l-aġenzija tirrevedi ’l isfel il-klassifikazzjoni ta’ diversi pajjiżi. 

Fitch, mhux talli kkonfermaw ir-rating tajjeb ta’ pajjiżna, imma talli l-esperti ta’ Fitch Ratings għażlu li jtejbu t-tbassir tagħhom għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna s-sena d-dieħla.

Mentri, aktar kmieni din is-sena kienu qed ibassru li fl-2022 se nikbru bi 3.9%, issa qed ibassru tkabbir ta’ 6.1%. Dan filwaqt li qed jipprevedu li din is-sena l-ekonomija tagħna tkun kibret b’5.7%. Dan l-irkupru hu dovut għal diversi fatturi, imma dak prinċipali hu s-suċċess tal-programm ta’ vaċċinazzjoni. L-esperti ta’ Fitch jinnutaw ukoll kemm baqa’ b’saħħtu s-suq tax-xogħol u kif dan qed iwassal għal livell tajjeb ta’ konsum u ta’ investiment.

Filwaqt li l-kelliema tal-Oppożizzjoni jsostnu li l-gvern qed iberbaq il-flus u s-sitwazzjoni fiskali mhix sostenibbli, l-esperti ta’ Fitch ibassru li d-defiċit din is-sena ser ikun anqas milli qed ibassar il-gvern. Fil-fatt, għal darba oħra, reġgħu rrivedew ’l isfel it-tbassir tagħhom għad-defiċit fl-2021. Dan minħabba li s-saħħa tal-irkupru ekonomiku qed itejjeb ħafna d-dħul tal-gvern.

Fir-rigward tal-inflazzjoni, ir-rapport ta’ Fitch Ratings jinnota li pajjiżna qed jirnexxilu jikkontrolla l-pressjonijiet li ġejjin mis-swieq internazzjonali, tant li l-esperti internazzjonali jsostnu li, “The government is committed to keeping prices low and most recently announced an immediate decrease in excise duties for petrol and diesel by 27% and 20% respectively to the minimum levels allowed under EU regulations”.

Barra li tfaħħar l-andament ekonomiku, ir-rapport tal-aġenzija ta’ kreditu fih ċertifikat pożittiv ħafna għall-pjan ta’ rkupru u reżiljenza li ppreżenta l-gvern. Fil-fatt, jingħad li, “As part of the Resilience and Recovery Plan, the government presented a comprehensive reform and investment plan with the aim to strengthen the education and health system while achieving climate neutrality and further promoting digitalisation”.

Mentri nnutaw li d-deċiżjoni tal-FATF, “Has not yet materially impacted the Maltese economy”, l-esperti ta’ Fitch Ratings innutaw li l-gvern qed jintensifika l-ħidma biex pajjiżna jagħmel progress fuq dan il-qasam. Dan filwaqt li nnutaw li s-sistema finanzjarja baqgħet ferm reżiljenti u ma kellhiex impatti mill-pandemija.

Iċ-ċertifikat pożittiv li ngħata lil pajjiżna mill-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings hu konferma oħra tal-għaqal li bih tmexxiet l-ekonomija tagħna u l-finanzi pubbliċi f’dan iż-żmien ta’ sfida. Dan flimkien mat-titjib fil-qasam tal-governanza li ser jipprovdi pedament sod għat-tkabbir b’saħħtu ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Sport