Sunday, December 22, 2024

Fitch Ratings tikkonferma r-rata ta’ A+ għall-pajjiżna

Aqra wkoll

Fl-aħħar 24 siegħa, Fitch Ratings ikkonfermat r-rata ta’ pajjiżna bħala A+ bi prospetti stabbli. 

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ġie nnutat kif dawn iż-żewġ rapporti jagħtu xhieda oħra ta’ kemm Malta tinsab miexja fid-direzzjoni t-tajba fejn tidħol it-tisħieħ tal-ekonomija, ħolqien ta’ impjiegi u appoġġ lejn il-familji u n-negozji.

Dan huwa turija ċara ta’ fiduċja li għandhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna u t-tmexxija tal-Gvern Malti filwaqt li l-Kummisjoni Ewropea għal darba oħra rrivediet ’il fuq it-tbassir tagħha għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Fitch Ratings irrappurtaw ukoll li minkejja li s-sena d-dieħla l-Gvern se jżid b’mod sostanzjali s-sostenn lill-familji u n-negozji biex il-prezz tal-enerġija u l-fjuwil jibqa’ stabbli, xorta ser ikun hemm titjib fil-finanzi pubbliċi. L-esperti ta’ Fitch Ratings innutaw ukoll kif l-ewwel Budget wara l-elezzjoni ġenerali kien Budget ta’ tkabbir b’diversi miżuri soċjali, fosthom żieda fil-pensjonijiet u fiċ-children’s allowance. Fl-istess ħin l-esperti ta’ Fitch Ratings jemmnu li l-Gvern se jilħaq il-mira li jżomm id-dejn pubbliku taħt is-60% mingħajr il-bżonn ta’ żidiet fit-taxxi jew tnaqqis fl-ispiża.

Anke l-Kummissjoni Ewropea tbassar titjib fil-finanzi pubbliċi. 

Ir-rapport ta’ Fitch Ratings jenfasizza fuq ir-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna, tant li l-esperti kellhom jirrivedu ’l fuq t-tbassir ekonomiku tagħhom għal din is-sena minn 4.2% għal 6.3%. Anke l-esperti tal-Kummisjoni Ewropea rrivedew ’il fuq it-tbassir ekonomiku tagħhom għal pajjiżna għal din is-sena b’mod simili.

Għas-sena d-dieħla l-esperti Ewropej qed ibassru li Malta jkollha t-tieni l-ogħla rata ta’ tkabbir minn fost il-pajjiżi kollha. Liema tkabbir huwa mistenni li jkompli fis-snin li ġejjin, tant li r-rata tal-qgħad mistennija tilħaq livelli minimi storiċi ġodda fis-sentejn li ġejjin. Pajjiżna mistenni li jkollu wkoll l-ogħla tkabbir fl-impjiegi minn fost il-pajjiżi kollha. 

Ir-rapport jindika kif l-investiment pubbliku ser ikun ta’ 3.9% tal-ġid nazzjonali, li huwa ferm ogħla tal-medja taż-Żona Ewro li hija ftit aktar minn 3%. L-istqarrija sostniet kif dan huwa ferm aktar mill-medja ta’ 2.7% biss li kien ġie investit mill-amministrazzjoni ta’ bejn l-2008 u l-2013.

L-istqarrija kompliet itenni kif dan kollu hu xhieda ta’ kemm il-politika ekonomika tal-amministrazzjoni preżenti qed tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-familji f’pajjiżna, kif ukoll kif qed tgħin lill-industrija lokali tibqa’ kompetittiva. Il-Gvern qed jinvesti bis-saħħa fil-futur ħalli jiggarantixxi prosperità ġdida u Malta tkompli miexja fid-direzzjoni t-tajba.

Ekonomija

Sport