L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings reġgħet ikkonfermat rating ta’ A+ għal pajjiżna. Fir-rapport tagħhom l-esperti internazzjonali nnutaw it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta tant li jqisuh bħala wieħed li jaqbeż il-bqija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Fitch Ratings innutaw kif pajjiżna baqa’ jinvesti u li dan l-investiment qawwi kien l-akbar fattur ta’ dan it-tkabbir. Innutat livell ta’ konsum privat tajjeb u li dan seta’ jseħħ minħabba li l-gvern irnexxielu jżomm stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
Ir-rapport issemmi l-gaming, l-informatika, s-servizzi professjonali u kif ukoll it-turiżmu bħala uħud mill-aqwa setturi f’dan it-tkabbir. Skont Fitch Ratings dawn mistennija jikbru anke din is-sena meta l-ekonomija ta’ Malta mistennija terġa’ tikber b’mod sinifikattiv. Dan filwaqt li l-r-rata tal-għoli tal-ħajja mistenni jonqos anke b’miżuri maħsubin li jkomplu jservu ta’ spalla kontra ċertu piżijiet.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif minkejja l-inċertezzi ekonomiċi madwar id-dinja, l-aġenzija Fitch Ratings reġgħet ikkonfermat rating b’saħħtu għal Malta.
Żied jgħid kif l-esperti ta’ Fitch jinnutaw kif l-ekonomija Maltija tiżboq ekonomiji oħra fl-Ewropa; b’investiment għoli, rekord ta’ nies f’impjieg, u inflazzjoni relattivament ikkontrollata.