Tuesday, April 23, 2024

€6 miljun biex jiġu salvati każini tal-banda f’riskju ta’ żgumbrament

Aqra wkoll

Il-Gvern jinsab fi stadju avvanzat biex isalva soċjetajiet mużikali li jinsabu f’riskju li jiġu żgumbrati mill-każini tagħhom. Għal dan il-għan, il-Gvern qed jinvesti €6 miljun biex jakkwista l-proprjetajiet tal-każini tal-Banda. Fil-fatt diġà hemm ftehim ta’ akkwist mas-sidien tal-bini ta’ sitt soċjetajiet mużikali.

Il-Ministeru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u Gvern Lokali ħabbar li l-Gvern laħaq ftehim ta’ akkwist mas-sidien tal-propjetà tas-soċjetajiet: Banda Stella Maris ta’ Tas-Sliema, Aniċi Banda & Social Club ta’ Ħal Qormi, Banda Kristu Re ta’ Raħal Ġdid, Circolo San Giuseppe Sagra Familja tal-Kalkara, La Stella Levantina ta’ Ħ’Attard u Każin Banda Maria Regina tal-Marsa.

Ritratti: JORDAN MIFSUD

Fisser kif din l-inizjattiva hija mmirata biex tipproteġi t-tradizzjonijiet tal-każini tal-banda li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali tal-liġijiet tal-kera, f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u dan fid-dawl tal-valur intrinsiku kulturali tagħhom f’pajjiżna.

Fil-każ tal-Każin Banda Stella Maris, il-proċess tal-akkwist ġie totalment konkluż, waqt li fir-rigward tal-proprjetajiet l-oħrajn ġie ffirmat konvenju jew jinsab fil-proċess li jiġi iffirmat konvenju mas-sidien rispettivi wara li ntlaħaq formalment qbil dwar il-kondizzjonijiet tal-bejgħ.

Il-Ministru Owen Bonnici esprima l-impenn tal-gvern li jipproteġi l-każini tal-baned minħabba l-importanza soċjali u kulturali tagħhom fil-komunitajiet tagħna.

“Dan sar permezz ta’ appoġġ finanzjarju permezz ta’ skemi varji u anke permezz ta’ impenn għall-akkwist tal-propjetajiet li bħalissa qed jintużaw mill-każini tal-banda rispettivi, sabiex tkun tista’ tingħata assigurazzjoni ta’ kera fit-tul,” irrimarka Dr Bonnici.

“Minn banda waħda irridu ngħinu lil dawn is-soċjetajiet però jrid jintlaħaq ukoll bilanċ mal-interessi tal-Gvern li jara li jkollu dħul xieraq għal dan l-investiment li qed isir billi jieħu lura kirja ġusta li tagħmel sens fid-dinja tal-lum. spjega l-Ministru Bonnici.

Barra minn hekk, il-Ministru Bonnici saħaq li l-gvern huwa kommess li jippromwovi l-elementi soċjali fi ħdan il-każini tal-banda biex jissaħħu inizjattivi fi ħdan il-komunità mmirati lejn l-inklużjoni, it-tagħlim, u l-preservazzjoni tal-ħiliet tradizzjonali marbuta mal-festa tar-raħal.

Il-Kunsill tal-Arti Malti għandu rwol ċentrali fis-salvagwardja ta’ elementi tal-wirt artistiku u kulturali ta’ pajjiżna, u permezz ta’ dawn l-akkwisti l-Kunsill qed jindirizza waħda mill-għanijiet tal-Istrateġija 2025, li hija l-investiment u t-trawwim ta’ l-espressjoni artistika u kulturali diversa. 

Sabiex tkun żgurata konsistenza u attenzjoni immedjata għal din l-inizjattiva, twaqqaf il-Bord tat-Tmexxija tal-Każini tal-Banda, fi ħdan l-Arts Council Malta, u qed jamministra ix-xogħol relatat mal-akkwisti u  taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u Lokali Gvern. 

Qed isiru negozjati oħrajn ma’ sidien ta’ soċjetajiet mużikali oħra li, bl-istess mod, qed jiffaċċjaw riskju ta’ żgumbrament.

Sport