Il-Credit Rating A+ ta’ Fitch tixhed ir-reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna f’mument ta’ kriżi u inċertezza. Din ir-reżijlenza ġejja minn żewġ fatturi: l-istabbilità monetarja u finanzjarja u l-fatt li l-ekonomija kompliet tikber b’ritmu relattivament b’saħħtu speċjalment wara r-rebound li rajna mis-settur tat-turiżmu. Il-livell ta’ konsum baqa’ jiżdied ukoll u dan kien determinanti biex l-ekonomija tkompli tikber.
Din hija l-fehma tal-Professur Philip von Brockdorff, ekonomista u Viċi-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, Accountancy u Management meta mitlub minn talk.mt jikkummenta dwar l-aħħar rating li tat l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch lill-ekonomija Maltija.
Il-Prof. Brockdorff sostna li huwa minnu li d-defiċit u d-dejn nazzjonali żdied u jista’ joħloq problemi ta’ sostenibbilità finanzjarju jekk il-kriżi attwali, li qed twassal għall-prezzijiet tal-enerġija straordinarjament għoljin, ittul. Madankollu fil-preżent is-sitwazzjoni finanzjarja tibqa’ waħda sostanzjalment sostenibbli u kien konfermat mill-credit rating ta’ Fitch.
Innota kif l-ekonomija hi mistennija tkompli tikber fl-2023 iżda mhux l-istess livell ta’ 2022 fejn ir-rebound fis-settur tat-turiżmu kellu effett kbir. Madankollu hu necessarju li nkomplu nsaħħu l-produttività fis-settur ekonomiċi permezz ta’ innovazzjoni fin-negozji u xogħol aktar produttiv. Din hi sfida li għandu pajjiżna biex il-kompetitività tkompli tissaħħaħ.
Biex inżidu l-produttività neħtieġu investment kontinwu fis-settur ekonomiċi l-aktar reżiljenti u nisfruttaw żviluppi fit-teknoloġija kif ukoll fir-riżorsi umani.
Fitch jirrikonoxxi li l-investiment li qed isir bħalissa u dak ippjanat. Dan kien determinanti ukoll biex il-credit rating tibqa’ waħda stabbli li fiċ-ċirkostanzi preżenti tibqa’ waħda pozittiva.