L-aġenzija tal-klasifikazzjoni tal-kredtu, Fitch, ippubblikat rapport li fih immarkat is-saħħa tal-ekonomija Maltija u r-reżiljenza ta’ setturi importanti bħal mhu s-settur finanzjarju. Dan intqal f’analiżi dwar pajjiżna li fiha Malta reġgħet tpoġġiet fi klassi A+.
F’analiżi dwar id-deċiżjoni tal-Financial Action Task Force (FATF), is-sena li għaddiet, li Malta titpoġġa taħt proċedura ta’ moniteraġġ, il-Fitch qalet li din m’affetwatx l-ekonomija Maltija. “Dan kif jixhed l-irkupru ekonomiku b’saħħtu u l-prestazzjoni b’saħħitha tas-settur finanzjarju,” qalu l-Fitch fir-rapport tagħhom. Kien innotat ukoll li l-FATF bagħtet delegazzjoni f’Malta f’April li għadda, liema delegazzjoni kienet riżultat ta’ titjib li għamel pajjiżna fl-aħħar xhur.
Fir-rapport intqal ukoll kif il-konferma tal-Partit Laburista fit-tmexxija ta’ pajjiżna se twassal għal kontinwità fil-politika ekonomika ta’ pajjiżna u jimmarkaw ukoll kif anke permezz tal-pjan għar-reżiljenza u l-irkupru se jkun hemm riformi biex tissaħħaħ aktar is-sistema ġudizzjarja f’pajjiżna, fost setturi oħra.
Fitch innotat it-tkabbir ekonomiku straordinarju li kellha Malta fl-2021 bi tkabbir ekonomiku reali ta’ 9.4% meta l-istess aġenzija kienet qed tbassar 5.7%. Għal din is-sena l-Fitch qed tbassar tkabbir ekonomiku ta’ 4.2%.
Tinnota wkoll kif il-gvern Malti qiegħed jibqa’ jgħin lin-nies f’mument fejn il-gwerra tar-Russja mal-Ukrajna qed tħalli impatt fuq diversi setturi. Filwaqt li nnotat li d-defiċit nieżel, innotat li dan għadu għoli minħabba din l-għajnuna li qed tingħata lin-nies u li qed jirnexxiela trażżan ukoll ir-rata ta’ inflazzjoni.
Ir-rapport ta’ Fitch ġie f’ġimgħa fejn il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fil-Parlament dwar il-pjan tal-gvern għal li ġej u kif filwaqt li se jkompli jsostni n-nies, il-gvern se jissokta jsostni t-tkabbir ekonomiku.