Matul is-sena li għaddiet, 372 familja li għandhom tfal b’diżabilità rċivew aktar għajnuna mingħand il-Gvern. Fil-fatt, dawn il-familji ngħataw €172,083 fi kreditu fuq it-taxxa tad-dħul bejniethom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt li kienet qiegħda twieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru Farrugia dwar il-ħlas li ħafna ġenituri qiegħed ikollhom iħallsu għal terapiji għal uliedhom peress li dawn l-istess terapiji mhux qed jiġu provduti fl-iskola.
Fir-risposta tagħha l-Ministru Farrugia qalet li l-Gvern jagħraf d-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità.
Fil-Parlament, il-Ministru Farrugia qalet li kien għalhekk li fid-diskors tal-Budget 2023 tħabbret l-Iskema ta’ Kreditu fuq it-Taxxa marbuta ma’ Terapiji. Din l-iskema kienet tipprovdi rifużjoni ta’ €200 fi kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul tal-2023, lill-ġenituri li jħallsu għal terapiji privati għal uliedhom. L-uniċi kundizzjonijiet kienu li t-tfal ikunu rreġistrati bħala persuni b’diżabilità u għaldaqstant ikollhom il-Karta Ewropea tad-Diżabilità, ikunu taħt is-17-il sena, u li t-terapiji jkunu pprovduti minn terapisti li għandhom warrant jew li huma liċenzjati, skont il-linji gwida maħruġa flimkien mal-iskema.”
Mill-iskeda mħabbra fl-2023 kienu bbenefikaw 203 familja, b’total ta’ €39,530 fi kreditu fuq it-taxxa tad-dħul.
Il-Ministru Farrugia qalet li matul is-sena li għaddiet l-istess iskema ġiet imsaħħa permezz ta’ żieda fl-ammont ta’ kreditu għal €500 għal kull wild. Bħala riżultat, ibbenefikaw minnha 372 familja, b’total ta’ €172,083 fi kreditu fuq it-taxxa tad-dħul.
“Il-Gvern, b’mod proattiv, kompla jsaħħaħ l-għajnuna fl-2025 billi żied l-appoġġ lill-ġenituri biex itaffi l-piż finanzjarju relatat ma’ dawn l-ispejjeż u biex l-għajnuna tilħaq lill-ġenituri kollha. Għal dan il-għan, il-benefiċċju żdied għal €750 għal kull wild, u l-iskema ġiet mibdula minn kreditu fuq it-taxxa tad-dħul għal pagament dirett. Dan sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minnha wkoll il-ġenituri bi dħul baxx li ma jħallsux ħafna taxxa, kif ukoll biex il-pagament isir f’perjodu ħafna iqsar,” tkompli tgħid il-Ministru Julia Farrugia fil-Parlament.
“Għaldaqstant, minn din is-sena daħlet fis-seħħ l-Iskema tar-Rifużjoni ta’ Spejjeż għal Terapija. Permezz tagħha, il-ġenituri jirċievu ċekk maħruġ direttament mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Ta’ min jinnota li l-ġenituri għandhom l-għażla li jibagħtu l-irċevuti u d-dokumentazzjoni meħtieġa matul is-sena, u l-Kummissjoni toħroġ ċekk kull kwart.
“Dan il-mekkaniżmu jgħin biex jittaffa l-piż finanzjarju fuq il-familji, b’aktar flus f’idejn il-ġenituri u mingħajr il-ħtieġa li jżommu l-irċevuti kollha sal-aħħar tas-sena, u mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew sas-sena ta’ wara biex jirċievu r-rifużjoni fuq it-taxxa. Din is-sitwazzjoni, f’ċerti każijiet kienet tfisser li xi familji ma kinux jibbenefikaw minħabba nuqqas ta’ dħul,” itenni l-Ministru Farrugia filwaqt li qalet li mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Marzu l-Kummissjoni ħarġet €14,846 f’ċekkijiet lil 44 familja, filwaqt għat-tieni kwart tas-sena ser jinħarġu €40,638 f’ċekkijiet lil 94 familja.