Sunday, December 22, 2024

Fl-2024: 8 miljun passiġġier mistennija jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mistenni jikseb riżultati storiċi fl-2024, hekk kif il-kumpanija qed tistenna li tilqa’ 8 miljun passiġġier sal-aħħar tas-sena. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret iktar kmieni llum fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn il-Kap Eżekuttiv Alan Borg ippreżenta r-riżultati miksuba mill-kumpanija tul is-sena 2023.

B’żieda ta’ 6.7% fuq l-2019, il-volum ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport fl-2023 ammonta għal 7.8 miljun passiġġier. Dan jirrappreżenta tkabbir ta’ kważi 500,000 tluq u wasla; riżultat li jista’ jiġi mqabbel mat-traffiku tal-passiġġieri li jgħaddi mill-ajrurport f’xahar tipiku fl-istaġun tax-xitwa. Fl-istess waqt, l-amont ta’ postijiet okkupati fuq it-titjiriet qabeż il-livelli rreġistrati qabel il-pandemija, hekk kif kull xahar kiseb tkabbir fuq l-2019, bl-ogħla persentaġġ ta’ postijiet okkupati li qatt intlaħaq mill-ajruport ta’ 91.4% jiġi rreġistrat f’Awwissu.

“L-2023 kienet sena bla preċedent għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn rajna miri rekord jintlaħqu xahar wara xahar għall-ewwel darba mill-2019 ‘l hawn. Minkejja l-fatt li d-domanda għall-ivvjaġġar baqgħet reżiljenti tul is-sena kollha, ilqajna s-sena l-ġdida tal-2024 b’ottimiżmu kawt, hekk kif qed nistennew li jistabbilizza t-tkabbir tat-traffiku tal-passiġġieri fix-xhur li ġejjin filwaqt li nkomplu naffaċċjaw sfidi makro-ekonomiċi u ġeopolitiċi,” qal Alan Borg, filwaqt li rringrazzja t-tim tal-ajruport u l-partijiet interessati kollha għall-kontribut siewi tagħhom għall-prestazzjoni straordinarja tal-kumpanija.

Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Leslie Vella, faħħar il-prestazzjoni tal-kumpanija, hu u jsostni li s-sħubija bejn l-Ajruport ta’ Malta u l-MTA kienet pedament importanti għall-kisba ta’ riżultati rekord għall-industrija tat-turiżmu f’Malta. B’mira ambizzjuża ta’ 8 miljun passiġġier stabbilita għall-futur qarib, is-Sur Vella wiegħed l-impenn tal-awtorità li tkompli taħdem mal-ajruport sabiex flimkien ikomplu jirreġistraw tkabbir sostenibbli matul is-sena kollha.

Waqt il-konferenza, is-Sur Borg ta aġġornament rigward il-pjanijiet tat-tkabbir tal-ajruport. Is-sena 2024 se tkun sena strumentali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żviluppi infrastrutturali hekk kif il-kumpanija se tkun qed tikkonkludi l-ewwel fażijiet tal-espansjoni lejn in-naħa tal-punent tal-binja tat-terminal prinċipali u l-bini ta’ Apron X, waqt li jissoktaw ix-xogħlijiet fuq l-iżvilupp tal-VIP Terminal u SkyParks Business Centre 2.

Ekonomija

Sport