Fl-2024, kienet irreġistrata żieda ta’ €19.2-il miljun, jew 15.8 fil-mija, fin-nefqa kollha fuq attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Is-settur tal-Intrapriżi kkontribwixxa 70.8 fil-mija għar-riċerka u żvilupp, filwaqt li s-setturi tal-Edukazzjoni Għolja u tal-Gvern ikkontribwew 27.2 fil-mija u 2.0 fil-mija, rispettivament.
In-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp marret l-aktar għar-Riċerka Bażika, li kienet tammonta għal 42.3 fil-mija tat-totali tar-R&Ż fl-2023. Warajha, kien hemm ir-Riċerka Applikata (30.7 fil-mija) u l-Iżvilupp Sperimentali (27.0 fil-mija).
Fl-2024, is-settur tal-Intrapriżi u s-settur tal-Gvern irrappurtaw żieda fin-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp meta mqabblin mal-2023. L-ogħla żieda fin-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp kienet ġejja mis-settur tal-Intrapriżi bʼ€21.5 miljun, filwaqt li s-settur tal-Gvern żdied bʼ€0.8 taʼ miljun. Is-settur tal-Edukazzjoni Għolja rrapporta tnaqqis ta’ €3.2 miljuni. In-nefqa fuq il-ħaddiema kienet tirrappreżenta 67.0 fil-mija tal-infiq kollu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Warajha kien hemm in-Nefqa rikorrenti oħra (24.3 fil-mija) u n-Nefqa kapitali (8.7 fil-mija).
Fl-2024, l-akbar nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp bil-qasam tax-xjenza kienet irreġistrata fil-qasam tal-Inġinerija u t-teknoloġija, li ammontat għal 56.1 fil-mija tan-nefqa kollha. Warajha kien hemm in-nefqa fuq ix-Xjenzi mediċi (15.8 fil-mija) u x-Xjenzi naturali (11.1 fil-mija).
Il-biċċa l-kbira tal-attività tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Inġinerija u t-teknoloġija u x-Xjenzi mediċi saret fis-settur tal-Intrapriżi, filwaqt li r-riċerka dwar ix-Xjenzi soċjali u l-Istudji umanistiċi saret l-aktar mis-settur tal-Edukazzjoni Għolja. Meta mqabbla mas-sena 2023, l-ogħla żieda kienet irreġistrata fl-Inġinerija u t-teknoloġija (€16.7-il miljun) u fix-Xjenzi mediċi (€9.7 miljuni). Dawn iż-żidiet kienu akbar mit-tnaqqis taʼ €11.4-il miljun fix-Xjenzi naturali.
Kull settur iħallas għall-biċċa l-kbira tar-riċerka tiegħu stess, megħjun b’fondi barranin. Ir-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-Intrapriżi huwa mħallas l-aktar minn fondi ta’ intrapriżi privati. Il-fondi ġenerali tal-Università huma mogħtija għas-settur tal-Edukazzjoni Għolja, filwaqt li l-fondi diretti tal-Gvern huma mogħtija lis-settur tal-Gvern. Il-fondi barranin għar-riċerka u l-iżvilupp laħqu €10.2 miljuni, jew 7.3 fil-mija, tal-fondi kollha.
