Il-membri kollha tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili issa kisbu ċ-ċertifikazzjoni internazzjonali NFPA 1001, standard rikonoxxut madwar id-dinja li jikkonferma l-ogħla livelli ta’ taħriġ, kompetenza u sigurtà fil-qasam tas-servizzi tat-tifi tan-nar.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield waqt l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Ministru Bedingfield qal li din iċ-ċertifikazzjoni hija ħafna aktar minn ċertifikat formali, iżda hija konferma li kull membru tad-dipartiment huwa mħarreġ skont standards internazzjonali u lest biex jaffaċċja kull emerġenza bl-ogħla livell ta’ professjonalità, kompetenza u kunfidenza.
“Hija kisba li tirrifletti snin ta’ investiment fin-nies, fit-taħriġ, fit-teknoloġija u fit-tagħmir. Meta ċ-ċittadini jitolbu l-għajnuna, għandhom is-serħan il-moħħ li quddiemhom għandhom professjonisti mħarrġa skont l-ogħla standards internazzjonali. Il-Gvern se jkompli jinvesti fil-ħaddiema tagħna, fit-taħriġ tagħhom u fir-riżorsi li għandhom bżonn biex ikomplu jagħtu servizz tal-ogħla kwalità,” qal il-Ministru Bedingfield.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru rringrazzja lill-membri kollha tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għad-dedikazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħidma intensiva li wettqu matul l-aħħar jiem b’rispons għal diversi nirien u emerġenzi f’t-temperaturi għoljin.
Il-Ministru semma wkoll kif l-aħħar rapport tal-Bank Dinji dwar il-preparazzjoni u r-rispons għall-emerġenzi f’Malta jagħti rimarki pożittivi lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u jiddeskrivih bħala servizz professjonali b’livell għoli ta’ taħriġ, kapaċitajiet speċjalizzati u koordinazzjoni b’saħħitha mal-entitajiet kollha tal-ewwel rispons.
Huwa sostna li dan ir-rikonoxximent internazzjonali huwa frott ta’ investiment kontinwu fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema u jikkonferma li Malta għandha dipartiment li kapaċi jirrispondi b’mod effettiv kemm għall-emerġenzi ta’ kuljum kif ukoll għal sitwazzjonijiet aktar kumplessi.
“Il-Gvern, jien u l-Maltin kollha kburin bikom u nirringrazzjawkhom tax-xogħol li tagħmlu,” temm jgħid il-Ministru Bedingfield.
