Thursday, March 13, 2025

Fl-2024 kien hemm żieda ta’ 20% ta’ impjegati nisa li ġew ingaġġati mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni

Aqra wkoll

Id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni rat żieda ta’ 20% fl-impjegati nisa li ġew ingaġġati matul is-sena li għaddiet. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, waqt attività organizzata għall-ħaddiema nisa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li din mhijiex biss statistika imma sinjal ta’ progress li qed juri biċ-ċar il-bidla pożittiva li qed isir f’qasam li storikament kien predominat mill-irġiel. Huwa esprima sodisfazzjon li l-impenn tal-Gvern biex jinkoraġġixxi aktar nisa jidħlu għal dawn l-impjiegi qed jagħti l-frott.

“Dan huwa xhieda tal-progress li qed nagħmlu biex inkomplu nsaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-diversi setturi tax-xogħol, inkluż dawk fejn tradizzjonalment kienu l-irġiel li jiddominaw. Qed naraw kif aktar nisa qed jimxu ’l quddiem, ikissru l-ostakli, u qed jagħtu prova li kull impjieg, kull rwol, u kull settur għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru,” sostna s-Segretarju Parlamentari.

L-impjegati nisa fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni jokkupaw diversi rwoli, minn ħaddiema tal-id sa pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Is-Segretarju Parlamentari radd ħajr lil dawn il-ħaddiema għall-kontribut tagħhom ta’ kuljum biex jassiguraw ambjent aktar nadif u isbaħ għal kulħadd.

“Jum il-Mara għandu jkun jum ta’ riflessjoni dwar il-progress li għamilna, iżda wkoll dwar fejn irridu naslu. L-aktar importanti huwa li nkomplu naħdmu flimkien biex niżguraw rispett u ugwaljanza f’kull qasam tax-xogħol u tas-soċjetà,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bedingfield.

Waqt l-attività saret ukoll diskussjoni fuq il-mara fid-dinja tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, li matulha ħadu sehem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja u Diane Vella Muscat, id-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg. Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, l-involviment tan-nisa fis-suq tax-xogħol, l-importanza tas-sħubija f’union, kif ukoll l-aħħar inċentivi tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol li qed joffru opportunitajiet aħjar għal min jaħdem.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara, li fisser kif “din iż-żieda fin-nisa li ngħaqdu mad-Diviżjoni hija pass importanti lejn forza tax-xogħol aktar diversa u inklużiva. L-impenn tagħhom huwa fundamentali biex inkomplu ntejbu l-kwalità tas-servizz li nipprovdu lill-pubbliku. Kommessi li nibqgħu naħdmu biex noffru aktar opportunitajiet għal kulħadd.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport