Wednesday, March 19, 2025

KONTROLLI FUQ ID-DIĠITALI

Aqra wkoll

Fid-diskors li għamel il-viċi president Amerikan J.D. Vance matul il-konferenza “tas-sigurtà” li nżammet ftit ilu fi Munich, qal li l-kontrolli li qed jagħmlu l-Ewropej fuq it-taħdit diġitali jmorru kontra l-“valuri” tal-Punent favur id-diskors ħieles. Sostna li l-Ewropej iridu jerġgħu jdaħħlu l-ċensura.

Fil-verità – talanqas kif l-Ewropej jispjegaw dak li qed jagħmlu bil-leġislazzjoni Ewropea dwar regolamentazzjoni diġitali – hu li ma jħallux il-medja soċjali jxerrdu aħbarijiet u informazzjoni żbaljati jew foloz, li jservu l-aktar biex jiżbilanċjaw l-opinjoni publika.

Dawn it-tħabbiriet foloz eċċ qed isiru? Iva. U b’mod ippjanat minn min irid ixerred bħala fatti, aħbarijiet imgħawġa maħsuba biex jimmanipulaw l-opinjoni publika? Anke hawn, hemm probabbiltà kbira li t-tweġiba hi: iva.  Min huma dawk li qed jikkontestaw il-liġijiet Ewropej? Essenzjalment is-sidien biljunarji tal-mezzi soċjali globali Amerikani, li jridu jaħdmu mad-dinja kollha skont kif jagħmlu (jiġifieri bla ebda lġiem) fl-Istati Uniti.

M’għandhomx raġun, anke jekk il-mudell Ewropew ta’ regolamentazzjoni fuq l-informazzjoni diġitali jrid jittejjeb.

BIDLA RADIKALI 

Għal nies tal-ġenerazzjoni tiegħi u l-oħrajn ta’ warajna, dak li qed jiġri fil-politika mondjali bilfors jinħass bħala terremot komparabbli għal meta l-ħajt ta’ Berlin twaqqa’ u l-Unjoni Sovjetika kkollassat. Din id-darba min-naħa tal-“punent”.

Tul ħajjitna il-blokk tal-Punent immexxi mill-Istati Uniti fi ħdan in-NATO deher kważi dejjem kumpatt u fl-aħħar snin bħal deċiż li jkompli jespandi lejn il-lvant tal-Ewropa.  Imma issa, l-Istati Uniti qed jgħidu daqshekk. Donnhom qed ilestu biex jieħdu pass kbir lura min-NATO. L-Ewropej ma jidhirx li għad għandhom risposta vijabbli għal dan iċ-ċaqliq.

Mexxejja Franċiżi ilhom jgħidu li l-Ewropa jrid ikollha l-awtonomija tagħha fit-tmexxija tad-difiża. Trid tkun għal kollox indipendenti mill-Istati Uniti. Jekk se tipprova tagħmel dil-ħaġa issa, fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna: Għandha biżżejjed riżorsi? Għandha biżżejjed żmien? 

IS-SERVIZZI TAL-BANEK

L-impressjoni tibqa’ dejjem tinfirex. Il-banek qed jaraw kif ibiegħdu minnhom il-kuntatti diretti mal-klijenti tagħhom. L-“iskuża” hi li bil-mezzi diġitali l-klijenti jistgħu jinqdew ħafna aħjar, aktar malajr. U dawk li ma jużawx il-mezzi diġitali, faċilment jistgħu jagħmlu appuntament fil-bank biex jinqdew mill-kaxxiera li jilqgħuhom.

Fir-realtà, il-fergħat tal-banek qed ikomplu jitnaqqsu. Mal-Ewropa kollha, il-banek qed iħallu s-sistema ta’ pagamenti kurrenti f’idejn aġenziji ġodda li jispeċjaliżżaw (għalissa) f’hekk biss. Is-servizz mill-ATMs qed isir dejjem aktar medjokri u jitnaqqas. Il-kjujiet ta’ nies li jridu jkellmu lill-kaxxiera jitwalu. Id-depożitanti ż-żgħar jibqgħu jiġu manipulati fl-imgħaxijiet li jingħataw. Sadattant il-banek iżidu l-ispejjeż ta’ min juża s-servizzi tagħhom billi jgħollu l-kummissjonijiet fuq kull ħidma li jwettqu. Kemm se ddum għaddejja din l-istorja?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport