Il-Prim Ministru Robert Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li kif ħabbar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-2024, l-inflazzjoni niżlet minn 5.1% għal 1.7%. Mhux talli din naqset għal terz tal-livell li kienet fl-2023, talli hija n-nofs tal-medja storika f’pajjiżna.
Huwa ddikjara dan fil-Parlament meta kienet qiegħda tiġi diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-Għoli tal-Ħajja. Dr Abela beda biex qal li hemm raġuni ewlenija għalfejn l-ekonomija ta’ pajjiżna hija l-aqwa fl-Ewropa.
Huwa qal li f’dawn l-aħħar 11-il sena, Gvern Laburista mexxa ekonomija għan-nies u mhux b’ekonomija u bl-għaks man-nies kif kien imexxi l-Partit Nazzjonalista fil-25 sena li għamel fil-Gvern.
Huwa tenna li l-qalb ta’ Gvern tkun taf fejn tħabbat meta tiġi rinfaċċat b’mumenti ta’ sfida. “F’dawn l-aħħar ħames snin kellna l-akbar sfidi li qatt kellu pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Kellna sentejn u nofs sħaħ ta’ pandemija. Għal gwerra kellna tnejn. Kellna l-isfida tal-inflazzjoni globali, partikolarment fis-settur tal-enerġija.”
“Aħna kellna l-fenomenu tal-inflazzjoni impurtat. Minkejja dan, jiena emmint li bl-istess mod li tajna skussjatura qawwija lir-realtà tal-inflazzjoni meta ħadna d-deċiżjoni ekonomika imma ta’ prinċipju li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli kien wasal il-lok li nagħtu t-tieni skoss qawwi.
“Konna qed naraw sitwazzjoni fejn il-prezzijiet tal-enerġija stabbli imma kellek realtà fejn il-prezzijiet tal-ikel kienu bdew tilgħin. Għalhekk iddeċidejna li nagħmlu l-iskema Stabbiltà,” kompla jgħid il-Prim Ministru filwaqt li nnota kif l-Oppożizzjoni kienet xtaqet li din l-iskema ma taħdimx, però fi kliemu ħadmet u ħadmet bis-saħħa.
Dr Abela qal li l-Gvern jirrikonoxxi li l-inflazzjoni hi realtà, però daqstant ieħor jgħid li sar ħafna xogħol biex din tiġi indirizzata. Tenna li biex tkun f’qagħda illi tindirizza l-inflazzjoni u r-realtajiet tan-nies irid ikollok żewġ affarijiet, il-finanzi tal-pajjiż fis-sod u l-ekonomija li qiegħda trendi.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-mozzjoni qiegħda tiġi diskussa kontra kull volontà tal-Gvern. Qal li dan il-pajjiż għandu bżonn Gvern li jħobb, sensittiv, li l-empatija mhux jiktibha fuq il-karti u titpoġġa fuq il-billboards imma jgħixha kuljum.
Dr Grech kompla jgħid li huma qed jagħtu tama. “Il-wegħda solenni tiegħi hija li minn dak li ktibnielkom fil-mozzjoni għas-soluzzjonijiet tal-għoli tal-ħajja, aħna fl-ewwel sena ta’ leġiżlatura ta’ Gvern Nazzjonalista se nkunu qed nagħmlu dawn is-soluzzjonijiet biex inti tkun tista’ tgħix aħjar.”