Friday, May 3, 2024

“Fl-aħħar kumment sensat u uman lejn dawk li m’għandhomx vuċi”

... Il-Kwistjoni tal-Firework Festival

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo ppropona kompromess fl-attivitajiet tal-Fireworks Festival, il-festival li jsir ta’ kull sena fi tmiem April fil-Belt Valletta.

Dan wara kwistjoni li nqalgħet biex isir f’Marsaxlokk b’detriment għall-klieb tas-santwarju fil-viċinanzi. Il-proposta tal-Ministru Bartolo qajmet diversi reazzjonijiet bl-akbar ammont ikunu pożittivi ħafna min-nies li jħobbu l-annimali,.

Deskritt bħala pass kuraġġuż u apprezzat ħafna, persuna li tkellmet ma’ dan is-sit qaltilna li, “fl-aħħar instema’ kumment sensat u uman lejn dawk li m’għandhomx vuċi. Napprezzaw immens”.

Fi tmiem il-ġimgħa n-nies reħewlha jikkumentaw fuq il-midja soċjali dwar dan il-festival fejn il-maġġoranza ta’ dawk li kkumentaw qablu mal-proposta tal-Ministru Bartolo. Kumment partikolari minn persuna kien “ftit hawn affarijiet li jġiegħluni nikteb ‘prosit ministru’ taħt xi post fuq Facebook imma din id-deċiżjoni ħaqqa prosit kbira. Konna ilna nippruvaw nikkonvinċu lil min kellna nikkonvinċu għal snin twal u fl-aħħar jidher li Clayton Bartolo ma beżgħax u għamel dak li hu ġust u bis-sensss. Grazzi”.

Kjarifika bi tliet punti importanti

Il-kummenti ma kienux kollha favur u min-naħa tiegħu l-Ministru Bartolo ħareġ kjarifika fir-rigward bi tliet punti fejn beda biex qal li, “l-ewwelnett, bħalma jaf kulħadd jiena bniedem li nħobb ħafna l-festi u n-nar u allura bl-ebda mod ma jiena se nipprova ntellef mit-tradizzjonijiet u mill-identità tagħna l-Maltin għax nifhem li anke mill-aspett turistiku, dawn huma elementi importanti ħafna għall-prodott turistiku tagħna u dak li hu li jagħmilna Maltin u Għawdxin”. 

It-tieni punt li għamel kien li m’huwa veru xejn li f’Marsaxlokk m’hu se jsir xejn kif hawn min qiegħed jipprova jagħti l-impressjoni. “Dan għaliex jiena pproponejt li ssir serata adizzjonali f’Marsaxlokk fejn ikun hemm in-nar tal-art u għaldaqstant l-entużjasti kollha tan-nar se jkollhom iċ-ċans li jgawdu din is-serata proprju fil-villaġġ pittoresk ta’ Marsaxlokk,” kompla l-Ministru Bartolo. 

Huwa mbagħad mar għat-tielet punt – il-fulkrum kollu f’din il-kwistjoni. Il-Ministru Bartolo saħaq li ma qabilx li jkun hemm in-nar tal-ajru f’Marsaxlokk għax huwa persuna li jħobb l-annimali daqs il-bnedmin, b’mod partikolari l-klieb.

“Naf li fil-passat meta nħaraq in-nar minn qrib l-Island Sanctuary, kien hemm numru ta’ klieb li għaddew minn trawma u jiena assolutament ma naqbilx mal-pariri li ngħatajt minn min mar jitkellem fil-midja biex dawn il-klieb jingħataw il-kalmanti u jitraqdu. X’jiġri imbagħad jekk ikun hemm xi kelb li jmut minħabba dawn il-kalmanti jew minħabba l-Fireworks Festival? Min se jerfagħha r-responsabbiltà?” staqsa l-Ministru Bartolo.

Kien għalhekk li huwa ppropona kompromess biex filwaqt li min-naħa jkunu ssalvagwardjati l-annimali u l-klieb, mill-banda l-oħra naraw li f’Marsaxlokk ikun hemm l-attività tal-Fireworks Festival ukoll. 

“B’hekk inkomplu nwasslu dawn it-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin ma’ kulħadd. Nittama li dawn il-punti jikkjarifikaw dak kollu li pprova jintqal u l-impressjonijiet ħżiena li kien hemm min jipprova jagħti u nħares ‘il quddiem li dan il-festival ikompli jkun ta’ suċċess bħalma kien fis-snin li għaddew,” temm il-Ministru Clayton Bartolo.  

Sport