Monday, November 18, 2024

“Fl-aħħar sigħat L-Ewropa ħelsitha ħafif minn diżastru nukleari”

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodomyr Zelensky qal li nhar il-Ħamis li għadda l-Ewropa ħelsitha bi ftit minn diżastru nukleari wara li l-impjant ta’ Zaporizhzhia nqata’ mill-grid elettriku tal-Ukrajna. 

Zelensky qal li kien grazzi għas-sistema elettrika proviżorja li dan l-impjant seta’ jibqa’ jiffunzjona b’mod sigur. Il-każ seħħ hekk kif nirien – allegatament ikkawżati minn bumbardamenti – wasslu biex wires tal-elettriku li jipprovdu l-enerġija biex dan l-impjant ikun jista’ jiffunzjona nqatgħu. B’hekk li kienu ma kienx għas-sistema proviżjona li taħdem bid-diżil kieku kien iseħħ diżastru nukleari kbir. 

Min-naħa tagħha l-kumpanija Energoatom – li tieħu ħsieb l-enerġija nukleari ġewwa l-Ukrajna – qalet li fil-preżent is-sitt reatturi ta’ Zaporizhzhia għadhom maqtugħin mill-grid elettrika tal-Ukrajna iżda l-kumpanija assigurat li l-impjant qiegħed jaħdem kif suppost u ma hemm l-ebda riskji. Energoatom qalet li fil-preżent għaddejja ħidma biex is-sistema terġa’ tiġi lura għan-normal. 

F’diskors li għamel fl-aħħar sigħat, il-President Ukren tefa’ l-ħtija ta’ dan kollu fuq il-bumbardamenti Russi u qal li Moska qiegħda “tpoġġi lill-Ukrajna u lill-Ewropej kollha pass ’il bogħod minn diżastru nukleari.” Min-naħa l-oħra, is-suldati Russi stazzjonati ġewwa r-reġjun Zaporizhzhia tefgħu l-ħtija ta’ dawn in-nirien u l-ħsarat li seħħew fuq il-forzi Ukreni. 

L-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia huwa l-ikbar wieħed ġewwa l-Ewropa u qabel l-invażjoni tal-24 ta’ Frar dan kien jipprovdi 20% tal-elettriku f’Ukrajna. Ir-Russi kienu ħadu f’idejhom dan l-impjant fil-bidu ta’ Marzu, iżda l-inġiniera Ukreni ta’ Energoatom xorta għadhom iħaddmu dan l-impjant. 

F’dawn l-aħħar ġimagħtejn, it-territorju fejn jinsab dan l-impjant ġie repetutament ibbumbardjant, bir-Russja u l-Ukreni jwaħħlu f’xulxin għal dawn l-attakki. Fid-dawl ta’ dan, il-qawwiet tal-Punent qed jitolbu biex dan l-impjant jerġa’ jgħaddi f’idejn l-Ukrajna filwaqt li n-Nazzjonijiet Uniti qiegħda tisħaq li din iż-żona jeħtieġ li tkun demilitarizzata u jkun hemm spezzjoni minn esperti. 

Ekonomija

Sport