Wednesday, July 24, 2024

Fl-Ewropa baqa’ jonqos il-bejgħ mill-ħwienet, f’Malta żdied

Aqra wkoll

Statistika uffiċjali qed tkompli tikkonferma kif l-andament ekonomiku f’pajjiżna qed ikompli jkun ferm aħjar minn dak tal-bqija tal-Ewropa. Dan hekk kif għal xahar ieħor, figuri uffiċjali jindikaw li mentri madwar l-kontinent l-bejgħ mill-ħwienet kompla nieżel, f’Malta kien hemm aktar attivita.

Skont il-Eurostat fi Frar l-bejgħ mill-ħwienet bħala medja kien 0.7% anqas minn dak li kien sena qabel. L-akbar tnaqqis kien osservat fejn jidħol bejgħ tal-ikel, fejn il-bejgħ naqas b’1.4%, imma anke fejn jidħol il-fjuwil kien hemm tnaqqis ta’ 1.1%. Ta’ min ifakkar li kemm il-prezz tal-ikel kif ukoll tal-fjuwil madwar l-Ewropa qed ikompli jiżdied b’mod qawwi. Dan qed ifisser li minkejja li dawn huma oġġetti essenzjali, l-konsumaturi mhux qed ikunu jistgħu jixtru l-istess ammont li kienu jaffordjaw jixtru sena qabel.

B’kuntrast f’Malta l-bejgħ mill-ħwienet kompla jirranka, tant li kien 2.5% aktar minn dak li kien fl-istess xahar sena qabel. L-andament tal-bejgħ mill-ħwienet f’pajjiżna issa ilu minn Jannar tal-2022 jkun aħjar minn dak madwar iż-żona ewro. Mentri f’pajjiżna l-bejgħ qed jiżdied, f’pajjiżi bħal Belġju kien hemm tnaqqis ta’ kważi 7%, mentri fil-Ġermanja l-bejgħ niżel b’madwar 3%. Fl-Islovenja l-ħwienet kellhom attivita kważi 6% anqas, filwaqt li fl-Awstrija kien hemm daqqa ta’ 2%.

L-għafsa fl-infiq tal-familji hija dovuta għall-piżijiet kbar li qed jaffaċċjaw madwar l-Ewropa. Dan huwa dovut għal tlett kawżi prinċipali. L-ewwelnett hemm l-effett tal-prezzijiet għoljin tal-fjuwil u l-enerġija. It-tienenett dawk il-familji b’self qed jaraw piż fenomenali frott iż-żidiet fir-rati tal-imgħax li kienu mposti mill-banek. Fl-aħħarnett ħafna Gvernijiet qed jimbarkaw fuq programmi ta’ awsterita fiskali, għax iridu jiġbru lura l-flus li nefqu biex sostnew il-kumpaniji matul il-pandemija.

Dawn il-fatturi f’pajjiżna ma humiex preżenti għax il-Gvern qed ikompli jagħti appoġġ sħiħ fuq prezzijiet ta’ fjuwil u enerġija, filwaqt li l-banek tant sejrin tajjeb li ma għollewx rati ta’ mgħax fuq self. Barra minn hekk grazzi għall-intervent tal-Gvern fuq prezzijiet ta’ ikel, l-inflazzjoni qed tibda tonqos u dan qed jagħti nifs lill-familji Maltin u Għawdxin.

Ekonomija

Sport