Monday, May 13, 2024

Konkluż il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tat-tender għall-proġett tal-Imsida Creek

Aqra wkoll

Ġie fi tmiemu il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tat-tender tal-proġett tal-Imsida Creek, meqjus bħala żvilupp infrastrutturali sinifikanti għaż-żona li jisnab fiha. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett waqt programm li fih kien mistieden biex jiddiskuti x-xogħlijiet li bħalissa qed iwettqu l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru li jmexxi.

 
Il-proġett tal-Imsida Creek, li ser jara l-bini ta’ flyover ġdida biex tieħu post il-junction tat-traffic lights, mexa pass eqreb lejn il-bidu mit-twettiq tiegħu. Dan huwa l-ewwel proġett infrastrutturali u maġġuri li jkopri ftehim għal rabta t’għaxar snin biex isir xogħol ta’ operat u manutenzjoni. 

 
Il-proġett ser jaħseb għal faċilitajiet ta’ modi alternattivi ta’ vjaġġar bħaċ-ċikliżmu u l-mixi u jinkludi r-riġenerazzjoni tal-akkwati f’xogħlijiet ta’ tisbiħ u żoni ġodda ta’ rikreazzjoni, skont il-permessi approvati. Madwar 60% ta’ dan il-proġett ser ikun dedikat għal spazji pubbliċi u ambjent pjaċevoli fiċ-ċentru ta’ din il-lokalità. 

 
Quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Imsida ser issir pjazza ta’ 2,200 metru kwadru, kif ukoll kanal tal-ilma b’tul ta’ 300 metru. Apparti li ser jifforma parti minn pjan biex jiġu evitati l-għargħar, il-kanal ser ikun imdawwar b’mogħdijiet aċċessibbli għall-pubbliku f’nofs żoni ta’ rikreazzjoni. 

 
Il-Ministru Bonett spejga kif dan l-investiment jifforma parti mill-impenn ta’ dan il-Gvern  biex ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibbilità tal-infrastruttura tat-toroq.

“Dan il-progett ġie ppjanat biex jilħaq l-għanijiet tagħna li noħloqu bilanċ bejn il-bżonnijiet tat-trasport u l-ispazji ta’ rikreazzjoni li se jrendu din iż-żona isbah. B’hekk nipprovdu infrastruttura li mhux biss tegħleb l-isfidi iżda tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-futur. Dan anki permess tal-obbligu fuq il-kuntrattur li jipprovi manutenzjoni tal-ispazji pubbliċi għal 10 snin minn meta jintemmu x-xogħlijiet. L-ewwel darba li dan l-obbligu qiegħed jitpoġġa fuq proġett infrastrutturali.” temm Dr. Bonett.

L-iMsida Creek Project li se jiswa mawdar €35 miljun, mistenni jibda lejn tmiem l-ewwel nofs tas-sena u jkun konluż f’madwar 30 xhar. Wara evalwazzjoni dettaljata rriżulta li l-EPE JV laħaq il-kriterji stabbiliti biex iwettaq dan il-proġett.

Sport