Saturday, May 4, 2024

L-istima lejn l-artisti Maltin: Inkomplu nsaħħu s-settur b’impenn akbar u mifrux

Jikteb Dr Daniel Attard - Kandidat għall-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Il-kultura hija t-tessut u l-bażi tal-patrimonju tagħna. Aħna xortina tajba li Malta hija sinjura ħafna fil-wirt kulturali. It-tradizzjonijiet tagħna jmorru lura ħafna snin u ntisġu mal-poplu tagħna li sawru identità partikolari li tintgħaraf u tispikka anke meta titpoġġa f’kuntest internazzjonali.

It-turist f’pajjiżna jiġi biex igawdiha. Fl-imgħoddi konna nirriklamaw ħafna l-baħar u x-xemx. Illum, l-istorja u l-kultura tagħna huma portafoll qawwi u b’saħħtu, li b’wiċċna minn quddiem, bih, nippreżentaw lil pajjiżna.

L-apprezzament għall-artisti huwa meħtieġ. B’artist nifhmu fil-forom wiesgħa kollha tiegħu jew tagħha. L-iskulturi, disinjaturi, kantanti, mużiċisti, ċeramisti, artisti tal-grafika u oħrajn.

L-artisti għalija huma wkoll l-enstużjasti tal-festi tagħna. Ix-xogħol volontarju kbir li huma jagħmlu fl-irħula u l-ibliet tagħna matul sena sħiħa ta’ festi diffiċli biex jitkejjel li kieku wieħed għandu jħallashom biex jagħmlu dan. Kemm kienet deċiżjoni għaqlija tal-Gvern Malti li jippreżenta u jdaħħal il-festa Maltija wirt dinji tanġibbli tal-UNESCO.

Fl-aħħar xhur rajna kif b’għaqal kbir dan il-Gvern assista lil soċjetajiet mużikali diversi bix-xiri ta’ każini tas-soċjetajiet rispettivi li kienu f’xifer ta’ żgumbrament mis-sidien privati tal-proprjetajiet tal-istess soċjetajiet. Għal dan il-għan il-Gvern investa xejn anqas minn 20 miljun ewro billi kull fejn kien hemm din l-isfida li kienet ilha tkarkar is-snin, daħal u xtara dawn il-proprjetajiet biex issa s-soċjetajiet affettwati jistgħu mill-ġdid iserrħu rashom. Hawnhekk irrid naqsam proposta li nixtieq li nressaq ’il quddiem fis-sens illi biex inkoplu nsaħħu s-soċjetajiet mużikali tagħna wasal iż-żmien fil-fehma tiegħi li jkunu kkunsidrati persuni li jaħdmu fuq bażi full-time f’dawn is-soċjetajiet. Is-soċjetajiet mużikali fl-ibliet u fl-irħula tagħna fl-aħħar 100 sena u aktar servew bil-kbir biex minnhom ħarġu mużiċisti kbar imma wkoll iservu bħala punt fokali u ewlieni tal-festi taghna. Għalhekk ukoll li jekk kemm-il darba s-soċjetajiet mużikali tagħna niddedikawlhom nies li jaħdmu fuq bażi full-time, inkunu qed nippreservaw l-ewwel nett il-memorja kollettiva ta’ dawn is-soċjetajiet mużikali imma wkoll insostnuhom għall-isfidi ġodda tal-lum.

Is-settur kulturali f’pajjiżna llum iħaddem mat-13,000 ruħ. Mhux ċajta. Dan is-settur sar mutur ekonomiku ewlieni f’pajjiżna, u qed joffri u jdakkar toroq ġodda biex in-nies kulma jmur qegħdin jimpjegaw ruħhom f’dan is settur. Għalhekk nemmen ukoll illi fejn għandna artisti li għal raġunijiet diversi x-xogħol tagħhom mhux neċessarjament full-time fis-settur kulturali bħal ngħidu aħna kantanti u mużiċisti, pajjiżna għandu jħares biex jintroduċi għall-ewwel darba dak illi jisejjaħ leave kulturali. Biex nagħti eżempju dan il-leave kulturali jingħata lil kantanti u mużiċisti li jkunu qed jipparteċipaw f’festi nazzjonali tal-kanzunetta Maltija bħalma għadna kemm rajna fil-każ ta’ Mużika Mużika. Fejn bosta minn dawn il-kantanti biex ma ngħidx il-maġġoranza tagħhom, filwaqt illi fil-ħin liberu tagħhom huma kantanti, il-kant mhuwiex ix-xogħol ewlieni tagħhom. Naf minn esperjenza personali kemm dawn il-kantanti u mużiċisti meta jkunu qed jipparteċipaw f’festivals differenti jew f’attivitajiet nazzjonali, ikollhom bżonn jieħdu leave personali minn tagħhom biex ilaħħqu ma’ dawn l-impenji xejn faċli. Għalhekk nemmen bis-siħ li l-Gvern, l-istat għandu jagħmilha possibbli billi f’ċirkostanzi partikolari, filwaqt li jinżamm il-bilanċ jippermetti lil dawn l-artisti biex f’dawn l-okkażjonijiet jaġevolaw ruħhom mil-leave kulturali.

Filwaqt li nifhem li mhux dejjem possibbli, nemmen li dan il-leave kulturali għandu wkoll ikun estiż skont iċ-ċirkostanza anke għall-voluntiera li jaħdmu qatigħ biex jaraw li l-festi tagħna jsiru sew u kif suppost. Bil-festi qed nifhem ukoll l-attivitajiet reliġjużi bħal dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Milied. Irridu nifhmu illi dawn iħallu miljuni kbar fl-ekonomija ta’ pajjiżna u li minnhom igawdi kulħadd. Nemmen ukoll li kemm-il darba jkolli l-opportunità li nirrappreżenta lill-pajjjiżi fil-Parlament Eworpew wieħed mill-impenji tiegħi se jkun li nkun il-vuċi tan-nies kollha marbutin mal-festi ta’ pajjiżna li bis-saħħa tagħhom il-festa tagħna għadha b’saħħitha kullimkien. Fuq dan nistgħu nħarsu fuq eżempji bħal fil-Lussemburgu fejn hawnhekk jingħata leave kulturali lill-artisti fuq forom differenti.

Dan għandu jkun inċentiv ta’ apprezzament lejn is-settur kulturali f’pajjiżna, l-artisti, voluntiera u l-entużjasti tal-festa. Nemmen bis-sħiħ illi dan il-Gvern se jkompli japprezza s-settur kulturali bil-fatti, kif wera fl-aħħar snin billi għamel mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gern lokali wieħed mill-aktar ministeri li ra żidiet sostanzjali kull sena fil-baġit annwali. Biżżejjed insemmi li fl-2022 l-allokazzjoni finanzjarji kienet kważi 61 miljun Ewro. Fl-2023 dan żied għal 64 miljun Ewro filwaqt li fl-2024 dan tela’ għal 71 miljun ewro. Dan ifisser li fl-aħħar 3 snin l-allokazzjoni finanzjarja fil-qasam tal-kultura żdiedet b’xejn aktar minn 10 miljun ewro. Dawn il-figuri mhumiex cajta. Kien hemm żmien mhux wisq ’il bogħod fejn amministrazzjonijiet nazzjonalisti kienu jnaqqsu ripetutament mill-allokazzjonijiet finanzjarji għas-settur kulturali kull meta fil-pajjiż faqqgħet kriżi. Mhux l-istess għamel Gvern Laburista saħansitra fl-għeqqel tal-pandemija. L-allokazzjonijiet kbar fis-settur kulturali jirriflettu investimenti kbir li għamel fl-aħħar 10 snin Gvern Laburista fosthom bit-tisħiħ tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta, Heritage Malta l-akbar aġenzija kulturali tal-Gvern, Teatru Malta, Teatru Manuel, Spazju Kreattiv, is-suċċess tal-Valletta 2018 fejn il-Belt kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura u issa l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, b’din tal-aħħar qed tkompli taħdem fuq it-tajjeb kbir li sar fil-kapitali tagħna sal-2018 fejn illum l-istess aġenzija hija responsabbli mill-orgranizzazzjoni tal-akbar attivitajiet kulturali pubbliċi li jsiru fil-kapitali tagħna.

Nieħu l-okkażjoni li filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha involuti fis-settur kulturali, tmexxija, artisti, nies fil-qasam tal-produzzjoni u oħrajn, insellem u nirringrazzja lill-entużjasti kollha tal-festi Maltin li bis-saħħa tagħhom it-tradizzjonijiet u l-identità ta’ kull raħal u belt f’Malta għadhom b’saħħithom sal-lum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport