Tuesday, May 14, 2024

ARA: FILMAT FIL-POLONJA LI JIXHED L-IPOKRESIJA TA’ METSOLA DWAR L-ABORT

Barra minn Malta tgħid li hi favur u f’pajjiżna tgħid li hi kontra lejliet vot fil-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Filmat li ġie għal idejn din il-gazzetta u li kien ippubblikat fuq il-midja soċjali fejn ingħata l-attenzjoni minn midja Pollakka biss, ikompli juri l-ipokresija tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għal mod kif qed iddur żugraga fuq l-abort. Dan lejliet li l-Parlament Ewropew se jivvota dwar l-inklużjoni tal-abort bħala dritt fundamentali.

Fil-fatt fi Brussell u barra minn Malta tgħid pożizzjoni mod imbagħad tiġi f’Malta u tgħid il-kontra. Minn tagħrif li għandha din il-gazzetta, f’nofs Frar li għadda, Metsola kienet fi Gdansk, fil-Polonja, fejn studenta Pollaka staqsiet lil Metsola dwar il-pożizzjoni tagħha dwar l-abort. Metsola sostniet dak li qalet meta saret President tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li l-pożizzjoni tagħha hi dik tal-Parlament Ewropew, pożizzjoni favur l-abort addottata mill-istess Parlament Ewropew f’voti oħra diġà.

L-istudenti Pollakki, b’kartelluni anki favur l-abort, bdew isaqsuha b’mod dirett fuq il-pożizzjoni tagħha. Id-Deputat Nazzjonalista Metsola sostniet li hi taċċetta l-vot tal-ġimgħa d-dieħla favur l-abort. Iżda ftit tal-ġimgħat ilu, inċidentalment ftit jiem wara li qalet li hi favur l-abort fil-Polonja, tat intervista lil midja tal-Knisja u mal-preżentatur Andrew Azzopardi sostniet li hi kontra l-abort. Dan ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju.

L-ipokresija ta’ Metsola qed jinnutawha bosta osservaturi politiċi u analisti għal mod kif quddiem udjenza barranija tgħid mod imbagħad għal għajnejn u l-widnejn lokali, qed tgħid il-kontra. Fl-aħħar jiem, Raphael Vassallo tal-Maltatoday innota f’artiklu bit-titlu ‘Metsola’s abortion miracle’, li ma’ Metsola ma tafx fejn int għax qed tgħid żewġ pożizzjonijiet differenti fl-istess ħin u quddiem udjenzi differenti.

Vassallo rrefera għall-fatt li Metsola ffirmat il-Patt tas-Simone Veil imbuttat mill-President Franċiż Emmanuel Macron. Fi kliem ieħor Metsola iffirmat favur l-abort iżda mbagħad lil Maltin tgħidilhom li hi kontra. Raphael Vassallo saħaq fl-artiklu li oħroġ il-għaġeb quddiem dikjarazzjonijiet li Metsola ħadet il-pożizzjoni favur l-abort, il-forzi kontra l-abort f’pajjiżna ma tkellmux. Qal li jew seħħ miraklu u dawn il-forzi ġralhom bħal San Pawl fil-konverżjoni ta’ Damasku meta waqa’ minn fuq iż-żiemel u ra d-dawl jew inkella meta nixfet il-linka li biha Metsola ffirmat Patt favur l-abort, imbagħad dawk kontra l-abort bdew jitkellmu fuq id-demm tat-trabi mhux imwielda.

Sport