Sunday, May 19, 2024

X’NISTENNEW MILL-PRESIDENZA

Aqra wkoll

Proprju nhar il-Ħamis, smajna l-ewwel diskors tal-President tar-Repubblika, Myriam Spiteri Debono. Diskors li għażel li jmiss għadd ta’ punti li qed jaffettwaw is-soċjetà Maltija. Diskors li nistgħu ngħidu li jagħti indikazzjoni ċara ta’ fejn se tkun qed tmur din il-Presidenza.

Nemmnu li llum minħabba l-mod kif inbidlet u kif qed tinbidel is-soċjetà flimkien mal-pressjonijiet li jsiru minn barra, hemm bżonn aktar minn qatt qabel Presidenza li tiġbed l-attenzjoni fuq dak li jkun sejjer fid-direzzjoni ħażin. Fuq dak li jkun qed idgħajjef u jxekkel l-istess soċjetà.

Illum madwarna ħawn ħafna xi jxekkel is-soċjetà biex ma tibqax miexja ‘l quddiem. Nemmnu li għalhekk l-Presidenza għandha titkellem b’vuċi soda fuq dawn il-problemi. Għandha titkellem b’mod kontiwnu. Tkun vuċi verament tan-nies. Vuċi għal vulnerabbli. Vuċi għal dawk li jinsabu fin-naħa ta’ taħt nett. Vuċi għal dawk li qegħdin ibatu l-inġustizzji.

Nemmnu li l-Presidenza għandha tara u tibda l-ewwel mill-familja Maltija. Tara x’qiegħed ixekkel u x’qed itellef lill-familja Maltija. Għaliex għandna tfal b’rabja kbira fuqhom, li imbagħad din ir-rabja timmanifesta ruħha kull fejn ikunu fosthom fl-iskejjel. It-trawmi kbar li jgħaddu minnhom it-tfal metą l-ġenituri jinfirdu. Il-qrati u l-mażżra tal-ispejjeż li dawn il-koppji jispiċċaw jidħlu fihom minħabba l-qrati u li minħabba fihom ikunu it-tfal li jispiċċaw ibatu. Il-pjaga tal-aċċess għat-tfal u l-manteniment.

Ma’ dawn imbagħad għandek sfortuna oħra kbira. Dik tal-preġudizzji li jeżistu kontra l-barranin. Kontra ħaddiema li ġew f’pajjiżna jagħtu servizz. Ġew iservu lilek u lili u lil ħafna oħrajn. Minkejja dan imma isibu ma wiċċhom razziżmu u preġudizzji. Preġudizzji sempliċiment għax għandhom ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji għax huma ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon.

U min qed jitkellem kontra l-estermiżmu f’dan il-pajjiż? Estremiżmu li qed ikun injorat. Estremiżmu li qegħdin nippruvaw naħdbuh taħt it-tapit. Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża sezzjonijiet tal-poplu.

Għandna l-ambjent ta’ madwarna. Kemm dak rurali u kemm dak urban. It-tnejn għandhom għadu komuni – ir-rgħiba għall-flus. Waqt li naqblu li l-iżvilupp għandu jkollu postu, dań m’għandux iwassal biex iħassar u jeqred l-ambjent rurali u dak urban.

Imbagħad għandek il-proċess ta’ integrazzjoni, li jimmarka ir-relazzjoni bejn il-Maltin u l-barranin li hawn fostna. Il-proċess ta’ integrazzjoni importanti li jseħħ f’Malta issa li pajjiżna żviluppa tant kemm ekonomikament u kemm soċjalment. Illum wieħed jgħid li sirna pajjiż ta’ immigrazzjoni minflok pajjiż ta’ emigrazzjoni. Integrazzjoni li taħdem tajjeb issawwar fl-immigranti sens ta’ appartenenza u r-rieda li jiffurmaw parti mis-soċjetà, u li jikkontribwixxu direttament għall-progress tagħha. L-integrazzjoni twassal ukoll għal aktar fehma bejn il-persuni differenti sal-punt li d-differenzi oriġinali isiru sekondarji u banali.
Nemmnu li pajjiżna irid jagħmel ferm aktar fuq l-integrazzjoni. Donnu nibżgħu nitkellmu fuqha ma jmurx nurtaw xi sezzjoni ta’ nies.

Prattikament irridu naraw Presidenza tkun voċifera għall-karbiet tan-nies. Tara li l-karba tagħhom tinstema. Presidenza li tagħti valur lill-aspett uman, hu fein hu. Uman jibqa’ uman, irrispettivament minn reliġjon jew il-kulur tal-ġilda. Fuq kollox irridu naraw Presidenza li titkelem bla kantunieri. Dak li hu abjad tgħidlu abjad u dak li hu iswed tgħidlu iswed.

Sport