Sunday, November 24, 2024

Fl-ewwel 10 xhur tas-sena l-FSWS rat 25 każ ta’ vjolenza mit-tfal għall-ġenituri

Aqra wkoll

Mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) rat 25 każ ta’ vjolenza mit-tfal għall-ġenituri. 

Fis-sena li s-servizz taċ-Child-to-Parent Violence beda fl-2018, il-professjonisti raw 14-il żagħżugħ/a; fl-2019 raw 17-il żagħżugħ/a; fl-2020 raw 30 żagħżugħ/a; fl-2021 raw 45 żagħżugħ/a u sa issa din is-sena raw 43 żagħżugħ/a. 

Dan ħareġ minn intervista li saret flimkien mal-Manager tas-Servizz tal-vjolenza domestika fi ħdan Aġenzija Appoġġ, Colette Farrugia Bennett fejn qalet: “Meta ngħidu rajna fil-fatt mill-43, 25 huma referrals ġodda u 29 konsultazzjonijiet fejn ikunu magħrufin ma’ servizzi oħrajn. L-istatistika uffiċjali turi li sal-aħħar ta’ Ottubru rajna 25 każ.”

Flimkien ma’ Farrugia Bennett bdejna billi tkellimna dwar id-diversi aspetti u kuntesti fejn tista’ sseħħ il-vjolenza domestika u s-servizzi varji li huma offruti mill-FSWS. Dwar dan, hija spjegat li hemm diversi forom ta’ vjolenza domestika fosthom l-abbuż fiżiku, emozzjonali, finanzjarju u sesswali. Matul l-intervista hija tat ukoll ħarsa aktar fil-fond lejn l-aspett tal-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri.

“Ikun hemm nies li jispiċċaw vittma ta’ abbuż u kontroll finanzjarju u jiġu jgħidulek li ma kellhomx biex jgħaddu sal-aħħar tax-xahar jew ma kellhomx biex jitimgħu lit-tfal”

COLETTE FARRUGIA BENNETT 

Minkejja li nassoċjaw l-abbuż fiżiku mal-vjolenza domestika, qalet li fil-verità l-iktar rapporti, jew x’jirrappurtaw meta jkunu qed isaqsu lill-individwi li jmorru għas-servizz, jitkellmu fuq abbuż emozzjonali fejn dan dejjem qed jikber.

Dwar l-abbuż finanzjarju qalet li minkejja li n-numri huma pjuttost baxxi, mhux neċessarjament jirriflettu r-realtà sħiħa. 

Bħala eżempju hija qalet li meta nħarsu lejn in-nisa, l-iktar li qed jaraw id-differenza ħdejn snin ilu huwa l-fatt li ħafna min-nisa jaħdmu imma qalet li għadhom jiltaqgħu ma’ nisa li ma jaħdmux u jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn il-poter u l-kontroll iwassal li l-partner jitlob biex il-mara ma taħdimx minħabba pereżempju għira estrema u possess fuqha.

Saħqet: “Ikun hemm nies li jispiċċaw vittma ta’ abbuż u kontroll finanzjarju u jiġu jgħidulek li ma kellhomx biex jgħaddu sal-aħħar tax-xahar jew ma kellhomx biex jitimgħu lit-tfal. Din hija battalja fejn ħafna drabi jista’ jkun hemm affarijiet oħra marbuta bħal meta l-partner ikollu l-vizzju tal-logħob jew tas-sustanzi, allura l-flus qed jintefqu fuq hekk. Ikollok każijiet fejn il-partner ma jkunx qed jaqsam il-finanzi mal-familja biex iżommhom taħt il-kontroll tiegħu.”

“Il-vjolenza domestika mhix dak id-diżgwit fejn għajjarna lil xulxin… ħafna drabi din tinkludi l-poter u l-kontroll ta’ persuna fuq il-persuna l-oħra.”

Żiedet tgħid li l-vjolenza domestika mhix dak id-diżgwit fejn għajjarna jew għajjatna ma’ xulxin. “Dak huwa diżrispett imma mhuwiex l-abbuż li nsejħulu vjolenza domestika. Vjolenza domestika ħafna drabi tinkludi l-poter u l-kontroll fuq il-persuna l-oħra,” qalet filwaqt li spjegat li ġieli din tirriżulta wkoll fi stalking.

“Jekk qed taffaċċja l-vjolenza mit-tfal tiegħek, nistgħu ngħinuk. Tibqax issofri waħdek fis-silenzju”

COLETTE FARRUGIA BENNETT 

“Jeżistu tipi ta’ tracking devices u metodi ta’ kif jaċċessaw il-mowbajl tal-vittma u b’hekk kull ħaġa li tkun qed tagħmel fuq il-mowbajl tiġi monitorjata mill-persuna l-oħra. Dan jissejjaħ ‘electronic stalking‘ u kelna każijiet hekk. Każijiet fejn il-vittma tkun qed titfi l-mowbajl u dan jerġa’ jixgħel waħdu, jew tkun qed tagħmel xi ħaġa fuqu u jinfetħu applications weħidhom u ma tkunx tista’ tidħol f’ċertu affarijiet. Ikun hemm ċirkostanzi fejn wara li l-vittmi jkollhom konversazzjoni b’messaġġi, imejl u anke telefonati ma’ xi ħadd, il-perpetrator jibda jsemmi affarijiet li jagħti x’jifhem li jkun ra l-messaġġi minkejja li dik l-informazzjoni tkun saret b’mod privat.”

Każijiet fejn il-persuna abbużiva tibqa’ tiġri wara l-vittma wara li hija tkun waqfet ir-relazzjoni

Żiedet tgħid: “Nisimgħu b’każijiet fejn il-persuna abbużiva tibqa’ tiġri wara l-vittma wara li hija tkun waqfet ir-relazzjoni. L-ex partner tibqa’ tmur wara l-bieb tad-dar jew fejn il-post tax-xogħol tal-vittma biex ikollha informazzjoni fuq dak li qed tagħmel il-vittma.”

Spjegat: “Is-sena li għaddiet fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika kelna 2462 każijiet li ħdimna magħhom, u sa nofs din is-sena kelna 1552. Meta tikkumpara dawn iċ-ċifri mas-servizz STOP! The violence and abuse, li jaħdem ma’ persuni li jkunu qed jipperpetwaw l-abbuż, in-numri m’għandhomx x’jaqsmu. Is-sena li għaddiet kelna 130 każ u mill-bidu ta’ din is-sena sa Ġunju ltqajna ma’ 95 każ. Hemm ċans li naqbżu n-numru tas-sena li għaddiet pero r-realtà hija li min jipperpetwa l-abbuż ħafna drabi ma jammettix l-imġieba abbużiva lejn il-partner intimu tiegħu.”

Rapporti ta’ anzjani li ħafna drabi jkunu qed jiġu abbużati mill-familjari u ġieli mir-raġel stess

Aspett ieħor ta’ vjolenza tikkonċerna l-abbuż fuq l-anzjani. Farrugia Bennett qalet li jaħdmu id f’id mal-Active Ageing Community Care u jidħlu rapporti ta’ anzjani li ħafna drabi jkunu qed jiġu abbużati mill-familjari u ġieli mir-raġel stess. 

Dwar dan, qalet li: “l-anzjani jaffaċjaw sfidi aktar minħabba d-diffikultajiet biex isostnu ruħhom finanzjarjament meta jiddeċiedu li jitilqu minn relazzjoni abbużiva u għalhekk ikun  hemm bżonn li naħdmu mill-qrib mas-sistemi li joffru għajnuniet lill-anzjani.”

Il-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri… l-effetti fuq il-ġenituri ħafna drabi jkun ta’ disprament

Aspett ieħor tas-servizz STOP! The Violence and Abuse huwa dak taċ-Child-to-Parent Violence, fenomenu li qed jinnutaw li qed jiżdied. Dan probabilment minħabba fatturi soċjali u attitudnijiet li t-tfal tal-lum huma esposti għalihom li forsi l-ġenerazzjonijiet ta’ qabel ma kinux jew kienu esposti b’mod differenti. 

Bħala servizz jaħdmu ma’ żgħażagħ minn 13 sa 25 sena u, minkejja rari, ġieli ltaqgħu ma’ każijiet taħt it-13-il sena.

“L-effett fuq il-ġenituri ħafna drabi jkun ta’ disprament. Il-ġenitur jaf li għandu jigwida lit-tfal. Meta lanqas tista’ toffri dik it-tip ta’ gwida għaliex ma jisimgħukx jew qed juru kontroll fuqek, hemmhekk il-ġenituri litteralment jiddispraw. Ħafna drabi ninnutaw li ż-żagħżugħ/a jkunu qed iġibu ruħhom b’ċertu mod għaliex dak huwa sintomu ta’ sitwazzjoni li kien hemm jew għad hemm fil-familja u li ġew esposti għaliha. Għaldaqstant nemmnu li mhux biżżejjed li naħdmu maż-żagħżugħ/a imma rridu naħdmu wkoll mal-ġenituri,” qalet Farrugia Bennett.

Saħqet: “Liż-żagħżugħ/a ngħinuhom jirriflettu fuq l-imġieba tagħhom, x’effett qed tħalli fuq il-ġenituri, x’effett qed tħalli fuqhom u x’qed iwassalhom biex jitilfu l-kontroll tal-imġieba tagħhom. Hemm ukoll l-aspett ta’ sapport lill-ġenitur għaliex il-frustrazzjoni u d-disprament ġieli jwassalhom li jikkunsidraw li jitolbu lil uliedhom biex jitilqu u ma jibqgħux jieħdu ħsiebhom. Ovjament dik iġġib emozzjonijiet oħra fuq iż-żagħżugħ għaliex meta ġenitur qed jgħid ‘ma nifilħekx iktar’, ikun qed jgħidlek ħafna affarijiet oħra inkluż  ‘jien ma rridekx’ jew forsi ż-żagħżugħ jifhem ukoll li l-ġenitur ikun qed jgħidlu li ma jħobbux, qata’ qalbu minnu jew irid jabbandunah. Dan joħloq emozzjonijiet aktar turbolenti.”

“Għal din ir-raġuni importanti li x-xogħol isir maż-żewġ partijiet. Eventwalment nistgħu nresqu liż-żagħżugħ/a u l-ġenituri lejn is-servizz tat-terapija tal-familja ħalli jkunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jgħinu lil xulxin jifhmu x’qed jiġri u jieħdu responsabiltà ta’ dak li jkun qed jiġri,” żiedet tgħid.

“Tibqax issofri waħdek fis-silenzju… aħna nistgħu ngħinuk”

Farrugia Bennett għalqet b’messaġġ importanti għal dawk kollha li jaf għaddejjin minn din is-sitwazzjoni: “Jekk qed taffaċċja l-vjolenza mit-tfal tiegħek, nistgħu ngħinuk. Tibqax issofri waħdek fis-silenzju. Hija diffiċli biex tammetti u tgħid li t-tfal tiegħek qed jagħmlu l-abbuż, pero hawn servizzi li jistgħu jgħinu kemm liż-żagħżugħ/a u kemm lilek bħala ġenitur. Aħjar ċertu sitwazzjonijiet tindirizzahom mill-ewwel milli tħallihom għaddejin jew taħbihom taħt it-tapit għaliex il-problema jaf tikber. Nifhmu li l-ebda ġenitur ma jħossha faċli li jirrapporta lil uliedu stess imma huwa importanti li titkellmu għax ‘il quddiem jista’ jkun li dak li jkun ikompli jabbuża fuq persuni oħra. Ċempel 179 jew ikkuntattja Aġenzija Appoġġ fuq 22959000.” 

Minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Sport