Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-ammont ta’ Maltin li siefru kien stmat li jlaħħaq it-88,196, filwaqt li t-total ta’ ljieli mqattgħin minnhom kienu jammontaw għal 654,094. Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
L-istatistika turi li 42,035 Malti/ja siefru għal skop ta’ vaganza, filwaqt li kien hemm 28,498 li marru jżuru lill-ħbieb u l-qraba. L-aktar li siefru f’dan il-perjodu kienu dawk li għandhom bejn 25 u 44 sena, segwiti minn dawk fl-età ta’ bejn il-45 u l-64 sena. L-aktar destinazzjoni popolari mal-Maltin baqgħet l-Italja.
It-total ta’ nfiq mill-Maltin li siefru bejn Jannar u Marzu kien ilaħħaq id-€69 miljun — ekwivalenti għal medja ta’ €782 kull persuna.