Sunday, December 22, 2024

Fl-intervista kontroversjali: Cristiano Ronaldo jattakka wkoll lill-players żgħażagħ fi ħdan il-club ta’ Manchester United

Aqra wkoll

Waqt l-intervista ma’ Piers Morgan fuq il-media soċjali li heżżet lill-club ta’ Manchester United, l-attakkant internazzjonali Cristiano Ronaldo attakka wkoll lill-players żgħażagħ fi ħdan il-club … fejn qabbilhom ma’ tfal ta’ 12-il sena. 

F’din l-intervista kontroversjali, Ronaldo attakkat lis-sidien, lid-diriġenti, lill-coach Erik ten Hag, lill-eks coach Ralf Ragnick, u lill-eks kollegi tiegħu, Wayne Rooney u Gary Neville.

Sadanittant, il-United kkontestaw il-verżjoni tal-avvenimenti ta’ Ronaldo wara li l-attakkant ikkritika lill-club dwar in-nuqqas tiegħu fis-sajf.

Ronaldo, li kien iddisprat li jitlaq lir-Red Devils fis-sajf li għadda, issa qed jiġi rrappurtat li jista’ jingħaqad ma’ Bayern Munich, Sporting Lisbon jew inkella Inter Miami, fl-Istati Uniti. 

Meta mistoqsi x’jaħseb dwar il-players żgħażagħ ta’ Manchester United, Ronaldo wieġeb:

“Ma naħsibx li l-kelma rispett hija l-aħjar waħda, jgħixu f’era differenti Fihom nista’ nara lit-tifel tiegħi, li għandu 12-il sena, il-mentalità mhix l-istess.”

Mistoqsi dwar id-differenza bejn il-plejers żgħażagħ tal-United u l-players tal-età tiegħu stess, huwa żied: “M’għandhomx l-għatx biex jirbħu. Għandhom l-affarijiet aktar faċli.

“Kollox faċli. Ma jbatux, ma jimpurtahomx. Mhux biss il-players tal-United imma ta’ din il-ġenerazzjoni kollha.  Mhumiex l-istess bħall-ġenerazzjoni tiegħi.

“Imma ma nistgħux nagħtuhom tort. Hija parti mill-ħajja tal-ġenerazzjoni l-ġdida, it-teknoloġiji l-ġodda li jtellfuhom minn affarijiet oħra.

“Mhumiex l-istess. Jisimgħu, imma jisimgħu naħa waħda … u toħroġ mill-widna l-oħra. M’inix sorpriż iżda hija ħaġa tal-mistħija.

“Jekk għandhom l-aqwa eżempji quddiemhom, jekk tal-inqas ma jikkupjawx dak li għamilt jien, ma nistax infisser aktar. 

“Niftakar li meta kelli 18, 19, 20 sena, kont dejjem infittex li nara l-aqwa players – Ruud van Nistelrooy, Rio Ferdinand, Roy Keane, Ryan Giggs – hu għalhekk li kelli s-suċċess li kelli u t-tul tal-karriera … għax nieħu ħsieb ġismi, il-mentalità tiegħi, il-ħsibijiet tiegħi, hekk għax rajt lil dawk il-players straordinarji u tgħallimt minnhom.”

“Naħseb li l-aqwa parir …  jien m’inix it-tip ta’ raġel li jħobb jagħti l-pariri, inħobb inmexxi bl-eżempju.

“Jien nasal l-ewwel għat-taħriġ u nitlaq l-aħħar … u dejjem nagħmel l-istess affarijiet biex intejjeb il-ħiliet tiegħu u nagħmel bosta sagrifiċċji saħansitra waqt it-taħriġ.”

“Meta l-players żgħażagħ jisimgħu xi ħaġa ġdida … jinsewha wara żewġ minuti. Jien inħobb immexxi bl-eżempju. Xi wħud isegwuni … ħafna minnhom mhux wisq ….”

Ekonomija

Sport