B’referenza għall-artiklu ppubblikat minn dan is-sit dwar filmat espliċitu fejn tkellimna dwar il-fatt li studenti jilmentaw għax jistgħu jkunu mġiegħla jaraw film estremament grafiku dwar l-abort, talk.mt intervista tfajla b’rabta ma’ dan biex naraw x’inhi l-fehma tagħha.
X’inhuwa jinkwetak?
Se jħallu l-għalliema juruna vidjow dwar l-abort u dan huwa ta’ madwar 40 sena ilu. Ma jagħmilx sens għax antikwat.
Kif sirt taf b’dan il-vidjow li se jintwera fl-iskola?
Fuq Instagram, il-paġna “Free our Malta”. Dawn iħabbru ħafna affarijiet u aħna ż-żgħażagħ insiru nafu l-maġġorparti tal-affarijiet fuqu.
Għaliex ma taqbilx li tarawh il-vidjow dwar kif isir abort?
Minħabba li kieku riedu juruna jew jedukawna f’xi ħaġa dwar tqala fost l-adoloxxenti, imisshom juruna l-konsegwenzi li hemm meta toħroġ tqila żgħira u mhux juruna vidjow grafiku kif isir abort.
Allura, tħossok skomda tara dan it-tip ta’ filmat?
Iva.
Għala?
Għax grafiku żżejjed.
Taħseb li jekk tarah u jkollok bżonn abort tħossok ħatja jew jaffettwak b’xi mod?
Iva u ma messhomx jagħmlu dan. Imisshom jisimgħu dak li rridu u x’inħossu.
X’taħsbu u temmnu li l-abort huwa bi dritt għażla tagħkom?
Iva. L-abort huwa dritt tal-mara… “ġisimha, l-għażla tagħha”. M’għandux ikun illegali għax ma jafux minn x’hiex għaddejja persuna.
Taħseb li jkun aħjar jekk tkunu edukati fil-prevenzjoni milli dwar “soluzzjoni”? Jgħallmu fl-iskola dwar il-prevenzjoni?
Waqt il-lezzjoni tar-Reliġjon l-għalliema tgħid il-ħin kollu li ‘l-abort m’għandu jsir qatt u jekk għandek 14-il sena xorta tkun qed toqtol tarbija’. L-iskola dejjem jgħidulna li ‘l-abort huwa qtil u huwa ħażin’. M’aħniex edukati sew dwar it-tqala fl-adoloxxenza. Dwar il-prevenzjoni mhix ħarxa daqs tal-abort. Ma jgħidulniex per eżempju ħu l-pillola kontraċettiva. Jissuġġerulna biex neħduha mentri rigward l-abort hemm linja waħda – ‘tagħmlux abort’ u ‘ma tistgħux tagħmlu abort għax tkun qegħdin toqtlu tarbija. Jisfurzawha fuqna.
U taħseb li b’abort tkun qiegħda toqtol tarbija?
Le.
Allura f’liema każi taqbel mal-abort?
Kollha għax il-mara għandha kull dritt tagħżel x’tagħmel b’ġisimha. Jien u anke ħafna minn sħabi naqblu mal-abort għax għalina tarbija hija ħajja meta titwieled u tieħu l-ewwel nifs.
Inti u tfajliet oħra tamparek bl-etajiet bejn it-13 u s-16-il sena tifhmu l-konsegwenzi ta’ abort?
Iva.
U jekk toħroġ tqila issa, tagħmel abort?
Iva bla dubju. Għad għandi 14-il sena u għadni niżviluppa u nistudja. Ma nħossx li l-abort isir lejn l-aħħar tat-tqala imma.
Kieku ma tikkonsidrax tagħti t-tarbija għall-adozzjoni?
Le għax għadni żgħira. Ma niflaħx għal tqala u għadni se nibda l-ħajja.
Għadek żgħira. Tfajliet u ġuvintur tal-età tiegħek, huma attivi sesswalment u jieħdu prekawzjoni?
Iva għaż-żewġ mistoqsijiet. Fit-toilets tal-iskola ssib paketti ta’ condoms miftuħa u tara condoms użati u mormija wkoll.
Taf b’xi każ ta’ tqala fost l-istudenti?
Iva naf b’każ li seħħ madwar sentejn ilu. It-tfajla kellha biss 13-il sena u għamlet abort. Kien żmien vera diffiċli għaliha minħabba li kulħadd ittimbraha u kulħadd kien jgħid fuqha. Żgur li batiet ħafna minn dan kollu u tefgħu t-tort kollu fuqha.
Din hija l-opinjoni tiegħek. Ta’ sħabek x’inhi meta tiddiskutu s-suġġett?
L-opinjoni tal-maġġoranza tal-adoloxxenti hija li l-abort għandu jkun permess. Nemmnu li l-għażla aħħarija hija tat-tfajla jew mara. Hija tista’ tiddeċiedi jekk tkomplix bit-tqala għax hija trid tbati biex iġġorrha, twellidha u t-trobbija m’hiex faċli.
Inti trid l-għażla li ma tarax dan il-vidjow grafiku fl-iskola?
Iva. Jekk le, inwaqqaf il-lezzjonijiet tar-Reliġjon u naqleb għas-suġġett tal-Etika.