Saturday, May 4, 2024

“Filmat espliċitu tant li tfal bkew u qalgħu meta rawh”

Studenti jilmentaw għax jistgħu jkunu mġiegħla jaraw film estremament grafiku dwar l-abort

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wieħed mill-aktar suġġetti jaħarqu bħalissa huwa l-abort u jekk għandux jiġi dikriminalizzat, legali jew jibqa’ kif inhuwa bħalissa – jiġifieri li f’pajjiżna, ma jsirx. L-opinjoni f’Malta hija maqsuma b’żewġ estrimitajiet li assolutament huma b’pożizzjonijiet opposti minn ta’ xulxin tant li dan is-suġġett għadu qatt ma ġie diskuss fuq il-medja b’mod matur u b’serjetà. Għandna naħa favur akkost ta’ kollox il-ħajja, allura kontra l-abort f’kull sens tal-kelma u n-naħa l-oħra b’persuni li huma favur tmiem ta’ tqala f’każijiet eċċezzjonali u ammont sostanzjali ta’ żgħażagħ, jekk mhux il-maġġorranza, li għandhom ideat liberali u huma  favur l-abort sigur għan-nisa “għax huwa dritt tagħhom li jagħżlu dak li jagħmlu b’ġisimhom”.

Pajjiżna għalkemm huwa minn ta’ fuq quddiemnett fl-ideat liberali u progressivi, l-abort għadu suġġett tabù aktar milli ta’ diskussjoni jew possibbiltà ta’ referendum. Minn snin ta’ influwenza qawwija reliġjuża Kattolika, l-abort jingħad li huwa qtil krudili u dan il-messaġġ qiegħed jitwassal pjuttost bi pressjoni kbira fuq studenti adoloxxenti fil-livell tas-Sekondarja b’filmat li qiegħed jintwera lilhom. Dan il-filmat ilu jintwera fl-iskejjel tagħna mill-inqas mis-snin 90.

Talk.mt waslulu għadd ta’ lmenti minn studenti u ġenituri minħabba li f’xi lezzjoni jista’ jintwera vidjow grafiku ħafna ta’ x’inhuwa l-abort u x’jiġri eżattament f’din il-proċedura medika. Dan jingħad li qiegħed isir bil-għan li l-adoloxxenti jaraw “il-mewta krudili” tal-fetu biex qatt ma jaslu li jagħmlu att bħal dan. Fi ftit kliem, ix-xokk minn dan il-vidjow għandu l-għan ewlieni li jdawwar l-istudenti favur il-ħajja u li jistmerru l-abort.

Bħal kull suġġett tabù u jaħraq ieħor, hija responsabbiltà kbira li tikteb fuqu. Dan il-ġurnal ried jagħti stampa aħjar tas-sitwazzjoni dwar dan il-filmat u għaldaqstant għamel intervista ma’ żewġ studenti ta’ etajiet u sessi differenti, ħa l-opinjoni ta’ għalliema, kif ukoll bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni. 

Filwaqt li l-Ministeru kkonferma li dan il-vidjow jista’, b’għażla tal-għalliema, jintwera lill-istudenti tal-11-il sena li l-etajiet tagħhom huma ta’ bejn il-15 u s-16-il sena, għalliema ssostanzjat l-ilmenti tal-ġenituri u l-istudenti li l-filmat in kwistjoni huwa “estremament espliċitu” fejn qaltilna li tant huwa iebes li hija personalment rat tfal jibku ħafna u anke jaqilgħu mill-istonku tagħhom meta jarawh.

“Għallmuna l-prevenzjoni u mhux tittrawmatizzawna!”

F’intervista li hija ppubblikata fl-intier tagħha ma’ dan l-artiklu, adoloxxenti ta’ 14-il sena għarrfitna li permezz ta’ Instagram fuq il-paġna “Free Our Malta” saret taf li s-sena d-dieħla hija se tkun imġiegħla tara vidjow tal-abort. Filwaqt li din it-tfajla raġġjonevolment tisħaq fl-importanza li aħjar li fl-iskola jgħallmuhom il-prevenzjoni aktar milli juruhom vidjow grafiku tal-abort, hija tgħid li l-abort għandu jkun għażla personali tax-xebba jew il-mara tqila. 

Hija trid li l-istudenti għandhom ikollhom id-dritt li jirrifjutaw li jaraw il-filmat u tilmenta li fejn tidħol il-prevenzjoni l-edukaturi jissuġerixxu biss li jieħduha, mentri fejn jidħol l-abort jagħtuhom linja dritta – dik li l-abort m’għandu qatt isir għax huwa ħażin. 

Essenzjalment jingħad li ħafna adoloxxenti u żgħażagħ illum il-ġurnata, snin wara ħafna li ħareġ dan il-filmat, huma favur l-abort u li l-edukazzjoni anke b’mod ġenerali m’hiex konformi maż-żminijiet tal-lum. Dan kien ikkonfermat minn żagħżugħ ieħor li l-intervista tiegħu wkoll hija ppubblikata, fejn fl-opinjoni tiegħu dan il-filmat hu jarrah qisu forma ta’ brain washing għall-istudenti biex ikunu favur il-ħajja (pro life) u jintwera għax “min jurihulhom jew il-gvern huma kontra l-abort, allura jridu jisfurzaw dan il-valur fuq l-istudenti wkoll”. 

“L-għalliema timxi mal-kurrikulu mhux x’jagħtiha moħħha”

“Dan il-filmat ilu jixxandar miż-żmien li kont studenta jiena lura fis-snin 90. Dan il-filmat huwa estremament espliċitu u ilu jintwera minn dak iż-żmien,” spjegat għalliema. Hija qaltilna li kien hemm xi għalliema tar-Reliġjon li wriet filmat tal-Pro Life u mbagħad qabżu tal-Pro Choice u “kien hawn li kkummentat il-Ministru fejn qalet li l-materjal li jintuża huwa affari tal-għalliema. Li din tiddeċiedi u li ma tistax toqgħod tikkumenta għal kull oġġett li tuża l-għalliema”.

Din l-għalliema f’dan il-kuntest żiedet tippreċiża li, “imma fir-realtà, qisha l-ħaġa benġlitha fuq l-għalliema. Fir-realtà, l-għalliema timxi mas-sillabu u trid issib ir-riżorsi skont is-sillabu. Allura, mhux l-għalliema tiddeċiedi. Bir-risposta tal-Ministru tista’ tħares taħt lenti ħażina lejn l-għalliema għax tirraġuna li l-għalliema qiegħda tgħallem dawn l-affarijiet. Imma l-għalliema jgħallmu skont is-sillabu mhux skont x’jaqbad u jagħtiha f’moħħha meta tqum filgħodu”. 

Id-Dipartiment jiskoraġġixxi li jintwerew xeni grafiċi

Lill-Ministeru tal-Edukazzjoni għarrafnih li waslulna l-ilmenti dwar dan il-vidjow u tlabna konferma jekk huwiex minnu li għalliema għandhomx permess juruh lill-istudenti. 

Fir-risposta l-kelliem tal-Ministeru qalilna li l-Uffiċjal tal-Edukazzjoni tar-Reliġjon mid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar infurmahom li, “fil-11-il sena meta l-istudenti għandhom 15 u 16-il sena hemm kapitlu fis-suġġettt tar-Reliġjon bit-titlu The Value of Life (il-ħajja x’tiswa). Dan il-kapitlu ta’ studji reliġjużi jiffoka fuq ir-rispett tal-ħajja sa mill-bidu. B’mod ġenerali, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni jiskoraġġixxi li jintwerew xeni grafiċi minħabba s-sensittività ta’ xi studenti iżda l-edukatur huwa liberu li jagħżel fil-ġudizzju liberu professjonali tiegħu, ir-riżorsi li jemmen li għandhom jintużaw waqt il-lezzjonijiet rispettivi”.

Mistoqsi jekk l-istudenti jistgħux jagħżlu li ma jarawx dan il-filmat dwar l-abort u jekk le, għala, dan is-sit ma ngħatax risposta.

Sport