Sunday, November 24, 2024

Fl-Istati Uniti: Missier mixli li qatel lil bintu għax dejqitu tibki

Aqra wkoll

Missier ta’ 30 sena nżamm arrestat u sussegwentement imressaq il-Qorti fi Florida, l-Istati Uniti. Huwa qed ikun akkużat li qatel lil bintu, Iris Noelle Napier, ta’ sentejn, li skont hu ma felaħx aktar għall-biki tagħa. Il-każ tad-delitt imur lura għal Mejju tal-2021, meta l-Pulizija tal-lokal irċevew telefonata li kien hemm bżonn l-għajnuna medika għal tifla.

Il-Pulizija ta’ Vero Beach xehdu li meta waslu fuq il-post, it-tifla kienet qiegħda tissielet għal ħajjitha. Ingħad ukoll li fid-dar fejn seħħ l-allegat qtil sar intervent ta’ CPR biex ħajjet it-tifla tiġi salvata iżda aktar tard ġiet iċċertifikata mejta fl-isptar fejn ittieħdet b’ambulanza.

Fil-Qorti, l-akkużat, Joseph Napier, wieġeb li mhuwiex ħati għal l-akkużi miġjuba kontrih. Qal ukoll li ma kienx hu li qatel lit-tarbija, iżda tefa’ l-ħtija tal-mewt fuq ibnu l-kbir, li jiġi ħu t-tarbija.

Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet tal-pajjiż, ikkonkludew li l-akkużat kien l-unika persuna li kien hemm id-dar mat-tifla waqt li seħħ il-każ. Minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru fid-dar u fuq it-tarbija, irriżulta li ċ-ċkejna mietet fgata permezz ta’ tajjara li ġiet imdaħħla fil-pajp tan-nifs. Irriżulta ukoll li t-tarbija tħalliet nofsiegħa waħedha.

Il-Qorti ta’ Florida ħadet id-deċiżjoni li żżomm lil Joseph Napier arrestat fil-ħabs ta’ Florida u ġie mmultat $750,000. Il-każ huwa mistenni li jkompli fid-19 ta’ Ottubru li ġej.

Sport