Sid il-kera fl-Istati Uniti nstab ħati li qatel żewġ persuni li kienu qed jikru f’każ li kien fl-aħbarijiet meta fuq TikTok irrifjuta li jneħħi l-filmat tal-katavri tal-vittmi.
Michael Dudley instab ħati tal-qtil ta’ Jessica Lewis ta’ 35 sena u ta’ Austin “Cash” Wenner ta’ 27 sena.
F’Ġunju tal-2020, Dudley ta’ 64 sena, spara u qatel lill-vittmi qabel xeħet il-fdalijiet tagħhom f’bagajli. Aktar tard dak ix-xahar, tliet adoloxxenti tefgħu filmati fuq TikTok waqt li kienu fuq bajja f’Seattle fejn hemm instabu l-katavri.
Il-filmati ta’ din is-sejba dehru għal aktar minn 30 miljun darba, iżda TikTok għall-ewwel qal li l-video ma kienx qed jikser it-termini tagħhom relatat mas-servizz.
Il-kumpanija tpoġġiet fuqha pressjoni mill-qraba tal-vittmi, u l-filmat tneħħa diversi xhur wara, għalkemm mhux magħruf jekk tħassarx minn TikTok jew miż-żagħżugħ li tefgħu oriġinarjament.
It-tliet adoloxxenti kienu ssejħu mill-pulizija hekk kif sabu dawn il-bagalji, li wasslu għall-investigazzjoni dwar il-qtil.
Il-Qorti ta’ Seattle semgħet ix-xhieda ta’ ġar li qal li kien sema’ tiri ta’ arma tan-nar u raġel jitlob biex ma jinqatilx. Inizjalment il-pulizija marru fid-dar iżda ħadd ma wieġeb. Dudley eventwalment kien arrestat aktar tard matul il-jum.
Id-dokumenti li kienu ppreżentati fil-Qorti kienu jindikaw li Lewis u Wenner daħlu f’tilwima dwar kera mhux imħallsa ma’ Dudley, li kienu qed jgħixu fid-dar tiegħu.
Dudley se jiġi kkundannat f’Marzu u qed jaffaċċja piena massima ta’ għomor il-ħabs mingħajr il-possibilità ta’ parole.