Il-pulizija Olandiża ħabbret li l-fdalijiet ta’ tifel mill-Belġju ta’ erba’ snin li għeb il-ġimgħa li għaddiet instabu fl-Olanda.
Iċ-ċkejken Dean Verberckmoes instab mejjet ħamest ijiem wara li allegatament ġie maħtuf mill-babysitter tiegħu li preċedentement kien instab ħati li qatel tifel ieħor.
Fil-fatt, skont dak li ġie rrappurtat fil-midja lokali, fl-2010 huwa kien ikkundannat għaxar snin ħabs minħabba atti ta’ abbuż fuq it-tfal li wasslu għall-mewt ta’ tifel li kellu biss sentejn.
Dean Verberckmoes kien irrappurtat nieqes mill-familja tiegħu wara li l-babysitter tiegħu naqas milli jieħdu fid-dar tan-nanniet tiegħu.
Nhar it-Tnejn il-pulizija skoprew il-katavru tiegħu fuq gżira artifiċjali fil-provinċja ta’ Zeeland fl-Olanda.
Il-pulizija Olandiża ħabbret li qed tkellem raġel Belġjan ta’ 34 sena u qalet li s-suspettat u t-tifel dehru l-aħħar nhar l-Erbgħa fil-belt Belġjana ta’ Sint Niklaas, qrib Antwerp.