Monday, April 29, 2024

Fl-Ukrajna mietu iktar minn 50,000 suldat Russu

Aqra wkoll

In-numru ta’ suldati Ruyssi li nqatlu fil-gwerra ma’ Ukrajna issa qabeż il-50,000. Dan ġie kkonfermat mill-BBC Russian, il-grupp tal-midja indipendenti Mediazona u għadd ta’ voluntiera oħra li ilhom jivverifikaw l-imwiet fuq il-front tal-battalja Ukrajna sa minn Frar ta’ sentejn ilu.

L-istess tim irnexxielu jikseb informazzjoni minn diversi sorsi, li jinkludu rapporti uffiċjali, gazzetti u l-midja soċjali. Huma sabu wkoll li fit-tieni sena tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, it-total ta’ suldat Russu li tilfu ħajjithom kien tela’ għal 27,300.

Minkejja dawn iċ-ċifri, sa issa r-Russja nnifisha naqset milli tikkummenta. Il-BBC użat it-terminu ‘meat grinder’, biex tiddeskrivi l-mod ta’ kif Moska qed tibdel sikwit it-tattiċi tagħha u tibgħat gżuż ta’ suldati fuq il-front bil-għan li jkissru lill-forzi Ukreni.

In-numru ġenerali ta’ mwiet ta’ suldati Russi issa qabeż il-50,000, u huwa tmien darbiet ogħla mill-uniku rikonoxximent pubbliku uffiċjali tan-numri ta’ fatalitajiet li qatt ingħata minn Moska f’Settembru ta’ sentejn ilu.

L-analiżi tal-BBC ma tinkludix l-imwiet f’Donetsk u Luhansk, li huma maħkumin mir-Russi fl-Lvant tal-Ukrajna. Kieku jiżdiedu, in-numri tal-imwiet fuq in-naħa Russa jkun saħansitra ogħla.

Għalkemm l-Ukrajna ukoll naqset milli tikkummenta dwar ir-rata ta’ imwiet li sofriet fil-gwerra, fi Frar, il-President Volodymyr Zelensky kien qal li b’kollox diġà nqatlu mal-31,000 suldat Ukren.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport