Tuesday, September 24, 2024

Fl-Unjoni Ewropea hemm bżonn Patt tal-Gżejjer

- l-MPE Josianne Cutajar

Aqra wkoll

“Fil-mandat li jmiss hemm bżonn fl-Unjoni Ewropea ta’ Patt tal-Gżejjer kif hemm Patt Rurali għar-reġjuni tal-Unjoni Ewropea,”. Dan iddikjaratu l-Membru tal-Parlament Ewropew, Josiane Cutajar f’diskussjoni pubblika f’Dar l-Ewropa.

“Il-Kummissjoni Ewropea hija xettika f’dan ir-rigward għaliex tqis li l-gżejjer huma differenti ħafna, li huwa veru, iżda l-gżejjer għandhom sfidi ġeografiċi komuni. Għad baqa’ ħafna fejn naħdmu għall-gżejjer”, iddikjarat Cutajar.

Il-MPE Cutajar fissret il-ħidma tagħha fuq diversi temi fl-interessi tal-gżejjer, fejn waħda mill-aħjar kisbiet tagħha bħala MPE kienet li b’emenda għar-regoli l-ġodda tal-UE għall-fjuwils marittimi sostenibbli  “ġibna iktar żmien għall-vapuri tal-passiġġieri għall-gżejjer żgħar bħal Għawdex u Ischia li jiddependu mit-trasport bil-baħar biex vapuri tal-passiġġieri jkollhom iktar ċans għall-qalba għall-fjuwils iktar sostenibbli.”

Hija semmiet il-koperazzjoni bejn il-MPE Maltin f’din il-leġislatura favur Malta fil-pakkett ta’ ligijiet dwar il-mobbiltà bħala l-unika darba f’din il-leġislatura li l-parlamentari Maltin fil-PE ħadmu kollha flimkien u appoġġjaw l-istess emendi, għalkemm f’dan il-kas mingħajr suċċess.

Madankollu “il-ħidma tal-MPE Maltin hija waħda importanti ħafna u hu importanti li napprezzaw ix-xogħol tal-MEPs għar-rappreżentanza ta’ pajjiżna, u importanti li nivvutaw”, hija qalet, waqt li awgurat lill-kandidati għall-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju, li hi mhix se tkun parti minnhom din id-darba.

Il-MPE Cutajar iddiskutiet ukoll fuq it-transizzjoni diġitali li mhux biss hija pilastru importanti fil-politika Ewropea “iżda wkoll xprun għall-progress soċjali u ekonomiku ta’ gżejjer bħal tagħna”.

Mat-transizzjoni ambjentali jiġu opportunitajiet marbuta mal-Ekonomija Ħadra u l-Ekonomija Blu – li iżda jeħtiegu jkunu akkumpanjati fil-pajjiżi minn ħidma mill-qrib mas-settur edukattiv sabiex l-opportunitajiet li jinħolqu jkunu użati sew, hija qalet.

Enfasizzat ukoll li “għad għandna l-bżonn ta’ konnettività kullimkien, eżempju minn qribi f’Għawdex f’Daħlet Qorrot fejn il-mowbajl ma jaqbadx.”

Huwa importanti wkoll li “ma nassumux li kull persuna taffordja l-internet. Hemm bżonn ta’ infrastruttura u sistemi ta’ vawċers, u wkoll edukazzjoni għall-anzjani sabiex jużaw l-internet, għaliex sabiex nagħmlu qalba diġitali tassew effettiva, kulħadd irid ikollu aċċess”.

“L-aspett soċjali kien dejjem minn quddiem fil-ħidma li wettaqt, nemmen m’għandna nħallu lil ħadd warajna”.

Sport