Wednesday, July 24, 2024

Ħati li ħebb għal mara li ma ġabritx il-ħmieġ tal-kelb quddiem id-dar tiegħu

Aqra wkoll

Elton Buckingham, uffiċjal tal-Pulizija ta’ 47 sena residenti Ħ’Attard tpoġġa taħt probation għal sentejn hekk kif instab ħati li ħebb għal mara. Hu nstab ħati li waqt dan il-każ il-mara sofriet ġrieħi ħfief. Jirriżulta li l-argument inqala hekk kif il-mara ma ġabritx il-ħmieġ li l-kelb tagħha għamel quddiem id-dar tiegħu.

Il-każ kien seħħ fit-18 ta’ Awwissu ta’ sentejn ilu f’Ħ’Attard. Hu kien tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief lil mara, li beżżagħha u li wettaq reat li bħala uffiċjal pubbliku kellu jara li ma jseħħx.

Fis-19 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra hu kien instab ħati u ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi, iżda fis-17 ta’ Novembru tas-sena l-oħra wkoll l-Qorti tal-Appell Kriminali annullat is-sentenza u anke ordnat li terġa’ tingħata mill-ġdid minħabba raġunijiet legali.

Fix-xhieda li nstemgħet quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello intqalli l-mara ta’ ċittadinanza Brażiljana ma ġabritx il-ħmieġ tal-kelb minn quddiem id-dar tal-akkużat. Fil-każ kienet daħlet anke mart l-akkużat li wkoll bdiet targumenta magħha.

Il-Brażiljana xehdet li l-mart l-akkużat kienet qabditha minn idha, imbgħad ir-raġel ta daqtejn waqt li kienet daharha lejh u anke pprova jirriversja l-karozza għal fuqha.

L-akkużat li wkoll xehed f’dawn il-proċeduri qal li meta martu marret tgħidilha biex tiġbor il-ħmieġ tal-kelb semagħhom joffendu lil xulxin u wara li ħareġ mill-karozza ra d-demm ma’ suba’ martu.

Il-Maġistrat qalet li kienet qiegħda temmen il-verżjoni tal-vittma li l-akkużat ħebb għaliha.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-akkużat ma wera l-ebda sogħba għal dak li wettaq. Il-Maġistrat qalet li xejn ma jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu, li ddeskriviethom bħala “indinjitużi u ta’ għajb”, madankollu qalet li l-inċident ma jimmeritax li jeħel il-ħabs anke għax is-servizz li ta fil-Korp kien impekkabbli.

Minbarra l-ordni ta’ probation, il-Maġistrat Montebello ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal 3 snin biex tipproteġi lill-vittma.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Grazielle Muscat u Robert Vella.

Ekonomija

1 kumment

Comments are closed.

Sport