Tuesday, April 30, 2024

“Flimkien mad-donazzjonijiet sibna din is-sorpriża ħelwa”

Jasmine’s Journey

Aqra wkoll

Riċentament, kien hemm żewġt iskejjel li taw kontribuzzjoni finanzjarja liċ-ċkejkna Jasmine – tifla ta’ sena u nofs li twieldet b’kundizzjoni newroloġika u li f’Settembru li ġej mistennija titlaq il-Messiku, fejn se tqatta’ madwar 40 jum li matul se tingħata siegħa terapija kuljum għal medda ta’ 28 ġurnata, kif ukoll se jsirulha xi testijiet oħra.

Il-ġenituri tagħha ta’ spiss jaqsmu xi kitbiet flimkien ma’ ritratti ta’ binthom fejn jiddiskutu l-andament tat-terapiji li tirċievi t-tifla fuq bażi regolari kif ukoll xi progress li tkun għadha kemm għamlet, bl-aktar wieħed riċenti dak t’erba’ ġimgħat ilu meta Jasmine rnexxielha tibda tiekol mingħajr l-NG tube. Din kienet waħda mill-miri ewlenin taż-żewġ ġenituri kif fil-fatt kienu stqarrew ma’ dan is-sit f’April li għadda.

Intant, il-ġenituri ta’ Jasmine minn żmien għall-ieħor jaqsmu xi aġġornamenti wkoll dwar għotjiet li jkunu rċivew bħala gratitudni lejn il-kontributuri li qed iservu ta’ spalla sabiex itaffulhom daqsxejn mill-piż finanzjarju.

Fl-aħħar sigħat fuq il-paġna ta’ Facebook Jasmine’s Journey, il-ġenituri taċ-ċkejkna ħabbru li żewġt iskejjel partikolari – St Francis ta’ Birkirkara u Mater Boni Consilii St Joseph School ta’ Raħal Ġdid – tawhom donazzjoni li se tkun qed tintuża bħala parti mill-ispiża ta’ €65,000, liema somma se tkun qed tkopri l-ispejjeż tat-trattament, tat-titjiriet tal-ajru u l-akkomodazzjoni għall-Messiku.

Il-ġenituri qalu li jinsabu grati lejn l-istudenti, l-istaff u l-ġenituri kollha li kkontribwixxew għal din il-kawża ġusta, kif ukoll apprezzaw immens ġest ċkejken minn waħda mill-istudenti: “Illum kellna l-opportunità li nżuru l-iskola St Francis School, Birkirkara, fejn flimkien mad-donazzjonijiet sibna din is-sorpriża ħelwa”; tpinġija b’żewġt itfal ħdejn xulxin bħala simbolu ta’ ħbiberija bejn Jasmine u t-tifla li awguratilha messaġġ ta’ fejqan u qaltilha li tħobbha.

Jekk tixtiequ tgħinnu lil Jasmine, tistgħu tagħmlu dan billi tagħtu d-donazzjoni tagħkom fuq bank transfer jew Revolut fuq +35677991456, jew fuq din il-ħolqa: https://zaar.com.mt/projects/introducing-jasmines-journey/.

Sport