Friday, April 26, 2024

Aġġornat: “Flimkien nagħmlu l-unika forza politika magħquda li tista’ ġġedded lill-pajjiżna” – il-PM Robert Abela

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Dan il-partit li jkompli jiġġedded u jġedded għax aħna nemmnu f’pajjiżna. Għalhekk inġeddu lil Malta flimkien. Flimkien nagħmlu l-unika forza politika magħquda li tista’ ġġedded lill-pajjiżna. Nemmen fuq kollox fil-ħaddiem għax il-bażi ta’ dan il-moviment, imma iktar u iktar tal-pajjiż, huwa l-ħaddiem.”

Dan kien parti mid-diskors b’saħħtu li għamel il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li indirizza r-rally bit-tema ‘Inġeddu Malta Flimkien’ fl-għeluq il-konferenza ġenerali organizzata mill-PL. 

Fil-bidu tad-diskors tiegħu Abela qal: “Dan huwa l-partit tal-futur, li ma jieqafx ibiddel u ma jaqtax qalbu mill-iebes. Flimkien nagħmlu l-unika forza politika magħquda li tista’ ġġedded lill-pajjiżna.”

Semma kif f’din il-konferenza urew li kulħadd għandu rwol f’dan it-tim li jrid jaħdem għal pajjiżna – dak ta’ Tim Malta. 

Qal li l-PL huwa partit fil-gvern li fadallu ħafna x’jagħti lil pajjiżna. “Partit li qiegħed jitkellem fuq kif se jmexxi lil pajjiżna fis-snin li ġej. It-tiġdid żgur li mhix kelma tal-Oppożizzjoni, wisq inqas tal-Oppożizzjoni li għandna llum li qas kienet kapaċi li ġġedded lilha nnifsha. Bid-differenza aħna ma nieqfux niġġeddu u nissaħħu. Fejn hu tajjeb, u għamilna ħafna tajjeb, inkomplu nsaħħuħ. Fejn nistgħu nirranġaw, intejbu u noffru s-soluzzjonijiet. Din mhix xi slogan. Din hija l-qalb tħabbat ta’ dan il-partit li jkompli jiġġedded u jġedded għax aħna nemmnu f’pajjiżna. Għalhekk inġeddu lil Malta flimkien.”

“Urejna li din il-gżira ċkejkna tista’ tkun ta’ eżempju għad-dinja”

“Mexxejna flok ħallejna ċ-ċirkostanzi jmexxuna. Urejna li din il-gżira ċkejkna tista’ tkun ta’ eżempju għad-dinja. Min ma jridx jara dan għadu qed jagħmel ħsara lil pajjiżna barra minn xtutna. Araw tisimgħux kelma mill-Oppożizzjoni fejn tgħid kif konna leaders fil-ġlieda kontra l-pandemiija. B’differenza minnha, l-Oppożizzjoni tbiddel xi isem l-hemm u l-hawn imma l-ħsieb jibqa’ l-istess. Ħsieb ta’ partit politiku li moħħu biss biex iħammeġ isem pajjiżna biex mingħalih jaħtaf il-poter f’idejh, li għalihom il-politika tfisser min kapaċi jgħajjat u jgħajjar l-iktar,” qal Abela.

Qal li dan jikkuntrasta mal-PL li ma waqafx jaħdem f’dawn l-aħħar snin u li kompla joħorġ b’ideat ġodda li anke jisfidaw il-ħsieb tal-Gvern. Qal li dan huwa proprju kif iriduh il-partit — ħaj u li jibqa’ strument li jixpruna l-bidla.”

“Nemmen fuq kollox fil-ħaddiem għax il-bażi ta’ dan il-moviment, imma iktar u iktar tal-pajjiż, huwa l-ħaddiem”

Tkellem dwar it-twemmin tiegħu u x’jemmnu bħala moviment. “Jien soċjalist demokratiku Ewropew konvint,” iddikjara Abela. Żied jgħid: “Nemmen qabel xejn li l-missjoni tagħna hi li nsaħħu lil min tħalla jaqa’ lura fis-soċjetà. Nemmen li l-mira tagħna għandha tkun dak iż-żgħir li mhux ilaħħaq mal-pass tas-soċjetà. Nemmen fuq kollox fil-ħaddiem għax il-bażi ta’ dan il-moviment, imma iktar u iktar tal-pajjiż, huwa l-ħaddiem. Aħna bdejna repubblika fuq ix-xogħol. Fuq kollox partit li jibqa’ liberali u progressiv fit-twemmin fejn jemmen li kulħadd għandu dritt li jħobb.”

Fuq kollox qal li jemmnu fl-imħabba, fid-diversi forom tagħha u li ma tħarisx lejn uċuħ u wisq anqas lejn il-kulur tal-ġilda.

“Il-PL jemmen fi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd”

Żied jgħid li apparti minn hekk jemmnu fl-importanza ta’ ekonomija b’saħħitha. Sostna li dan il-poplu se jkun qed jarah fil-baġit li jmiss. Qal li bħala partit jemmen fi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Dan ifisser pajjiż li joffri spazji pubbliċi miftuħa fejn in-nies ikollhom fejn jistgħu jgawdu ftit ħin mal-għeżież tagħhom. Fost l-oħrajn tfisser ukoll standards għoljin għal pajjiżna.

Abela spjega fejn iridu jmorru, u li dan jagħmluh billi dejjem jiġu mmexxija bil-prinċipji li tassew jemmnu fihom. Semma l-fatt li dan il-gvern wettaq ħafna riformi fi żmien qasir u li issa qed naraw ir-riżultati pożittivi tagħhom. Aċċenna għall-fatt li l-passi kbar li saru ġew rikonoxxut minn kulħadd fosthom minn Ursula von der Leyen. 

“Ir-risposti dan il-gvern jagħtihom bix-xogħol u l-pożittività”

Il-Prim Ministru qal li r-risposti dan il-gvern jagħtihom bix-xogħol u l-pożittività. Dan għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor li moħħu biss biex jagħmel ħsara lill-pajjiżna kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna. 

Qal li jridu jaraw li tibda diskussjoni sħiħa dwar riforma elettorali serja biex l-għażla tan-nies tirrifletti aħjar is-soċjetà li qed ngħixu fiha llum. Dwar dan huwa qal: “Dan mhuwiex il-partit li jikkuntenta ruħu billi jirbaħ lill-partit l-ieħor biss. Dan huwa l-moviment li jikkuntenta ruħu meta jwettaq bidliet maturi li jħallu bidliet pożittivi fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.”

“Baġit ieħor bla taxxi. Baġit ieħor li se jwieżen lil min waqa’ lura”

Tkellem dwar it-tkabbir ekonomiku li kellu pajjiżna kemm ilu li dan il-partit daħal fil-gvern. Qal li kien biss bis-saħħa t’hekk li pajjiżna qiegħed f’qagħda soda anke jekk madwar id-dinja tfaċċat pandemija devastanti.

Qal li kull inizjattiva, proġett u l-baġit li se jippreżentaw huma mmirati lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd u assigura li huwa proprju dan li se jkunu qed joffru. “Baġit ieħor bla taxxi. Baġit ieħor li se jwieżen lil min waqa’ lura. Baġit ieħor li se joffri tama ġdida liż-żgħażagħ. Baġit ieħor li se jerġa’ jżied il-pensjonijiet u se jagħti aktar inċentivi għall-investiment. Iktar xogħol ta’ kwalità lill-Maltin u l-Għawdxin. Li jħalli aktar flus fil-but tan-nies. Imma fuq kollox li nsaħħu l-ambjent naturali u ta’ fejn ngħixu,” qal Abela filwaqt li ntlaqa’ minn ċapċipa kbira minn dawk preżenti. 

Fuq kollox tkellem dwar il-fatt li jqassmu l-ġid lil dawk li forsi waqgħu lura. Qal li dan qed jissarraf f’investiment ta’ kwalità u ħolqien ta’ karrieri ġodda. Dwar dan aċċenna għall-investiment li tħabbar ftit ilu li se tkun qed tagħmel il-kumpanija De La Rue.

Qal li d-differenza bejn l-Oppożizzjoni u dan il-gvern huwa l-fatt li dan il-gvern tassew jaġixxi. Aċċenna għall-fatt li Malta bħalissa għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni qal li jgħoxew bid-deni u mitlufin fin-negattività.

Qal li l-flus mhumiex kollox u ħajjitna ma titkejjilx biss bil-ġid materjali imma qed inkejlu l-prosperità b’kejl ieħor – tal-kuntentizza u tal-kwalità tal-ħajja.

Tkellem ukoll dwar l-inizjattivi li bħala gvern qed jagħmlu favur is-sostenibiltà ambjentali u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja. Aċċenna għall-konferenza li saret nhar is-Sibt li għadda ġewwa Għawdex fejn ġie spjegat li bħala gvern qed joħloq spazji miftuħa u jagħtu lura spazji oħrajn biex jitgawdew minn nies. Qal li fuq kollox, fuq it-tema tant importanti tal-ambjent, iridu jaraw li pajjiżna jkun wieħed li jħammeġ inqas.

“Il-Gvern għandu l-istudji dwar iit-trasport tal-massa u se npoġġuhom għad-diskussjoni”

Qal li bħalma għamilna qabża fl-ekonomija, fis-servizz tas-saħħa u fl-infrastruttura, il-qabża li jmiss se tkun li jagħmlu lil Malta isbaħ għal kulħadd.

Qal li pajjiżna mexa ‘l quddiem ħafna imma fadal wisq xi jsir biex jieqfu joħolmu għal pajjiżna. Fost l-oħrajn tkellem li qed jaħsbu fliem soluzzjonijiet se jħallu għall-futur.

Dwar dan qal li bħala gvern għandhom l-istudji dwar it-trasport tal-massa u se jpoġġuhom għad-diskussjoni. 

Semma kif dan se jkun pjan għal sistema ta’ metro taħt l-art li jista’ jġib rivoluzzjoni fil-mod kif jaħdem it-trasport pubbliku. 

Sport